Aħna, bħala migranti li ilna għal żmien twil ngħixu u naħdmu f’Malta, qed ningħaqdu flimkien biex nitolbu li f’ħajjitna jkollna sens ta’ stabilità, u mhux inċertezza. Fid-dawl ta’ avvenimenti riċenti u sfidi kontinwi li tiffaċċja l-komunità tal-migranti, qed nasserixxu d-drittijiet tagħna u qed insejħu għal azzjoni urġenti min-naħa tal-awtoritajiet. Aħna ġejna Malta snin ilu, hekk kif ħallejna warajna sitwazzjonijiet problematiċi immens fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħna. Illum, inqisu lil Malta bħala darna. Għalkemm ma ġejniex mogħtija protezzjoni jew karta ta’ residenza, ingħatajna d-dritt li naħdmu b’mod leġittimu, u min-naħa tagħna, ilna nħallsu t-taxxa u l- assigurazzjoni nazzjonali għal snin sħaħ.

Ħdimna għal snin twal, spalla ma’ spalla, mal-kollegi Maltin tagħna; għamilna l-ħbieb, ħloqna familja u kellna t-tfal hawn Malta. Aħna parti mis-suċċess ekonomiku ta’ Malta. Imlejna fejn kien hemm lakuni fil-forza tax-xogħol, u kkontribwejna għal sistema ta’ protezzjoni soċjali li qatt ma nistgħu nibbenefikaw minnha. It-tfal tagħna ma jafu bl-ebda pajjiż ieħor, bl-ebda soċjetà oħra ħlief dik Maltija. Huma, fil-fatt — għalkemm mhux rikonoxxuti mil-liġi — Maltin. U minkejja dan kollu, nibqgħu nħabbtu wiċċna mad-diskriminazzjoni, mal-marġinalizzazzjoni u mal-inċertezza. Ngħixu f’biża’ kostanti li d-dokumenti diġà prekarji tagħna jiġu rtirati għall- ebda raġuni valida; xi ħaġa li tagħmilna vulnerabbli għad-deportazzjoni, l-esplojtazzjoni u n- nuqqas ta’ prevedibbiltà dwar il-futur tagħna.

  • Qed nagħmlu appell urġenti biex jiġi rilaxxat Kusi Dismark, membru li ilu għal żmien twil stabbilit fil-komunità tagħna u li qed jiffaċċja d-deportazzjoni wara 13-il sena jgħix u jopera negozju f’Malta. Qed nitolbu wkoll biex individwi oħra li bħal Kusi ilhom jgħixu f’Malta għal aktar minn 5 snin u aktar, u li wkoll ġew detenuti bil-ħsieb li jiġu deportati, jiġu meħlusa.
  • Qed nitolbu lill-Gvern biex jintroduċi permess għal residenza lil kull min ilu jaħdem u jgħix f’Malta għal ammont sostanzjali ta’ żmien. Dan jista’ jieħlu l- għamla tar-riintroduzzjoni ta’ skema simili għall-Awtorizzazzjoni tar-Residenza Speċifika, li kienet ġiet irtirata għal għarrieda, jew il-possibbiltà li wieħed japplika għal Permess tax-Xogħol Uniku.

Din il-miżura hija essenzjali biex jiġu pprovduti l-istabilità u r-rikonoxximent legali lil dawk li ilhom għal snin twal jiffurmaw parti integrali mis-soċjetà u l- ekonomija ta’ Malta. Ir-regolarizzazzjoni taqdi wkoll lill-ekonomija Maltija għax tippermetti lilna l-migranti, li diġà ninsabu f’dan il-pajjiż, biex naħdmu u nkomplu nservu ta’ ġid għall-industrija fit-tul u b’mod stabbli. Tippermettilna nieħdu ħsieb tagħna nfusna u ta’ wliedna aħjar, intejbu l- edukazzjoni tagħna u niffurmaw parti mis-soċjetà b’mod effettiv.

  • It-tfal tagħna ma żaru jew għexu fl-ebda pajjiż ieħor għajr Malta. Malta hija d- dar tagħhom, u l-Malti għalihom huwa l-lingwa tal-ħbiberija, tal-edukazzjoni, tal-kultura, u eventwalment, tad-dinja tax-xogħol. Huma jistħoqqilhom li jkollhom id-drittijiet taċ-ċittadinanza, u jekk dawn se jibqgħu jiġu miċħuda lilhom, se jkomplu jinħolqu ostakli u inċertezzi bla bżonn f’ħajjithom, u l- aċċess tagħhom għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u servizzi oħra essenzjali jiġi pperikolat.
  • Finalment, qed nappellaw għal appoġġ soċjali komprensiv lil individwi fil- komunità tagħna li għandhom diżabbiltà jew dawk li ma jistgħux jaħdmu minħabba diversi raġunijiet, fosthom l-anzjanità jew mard. Minkejja li setgħu fil-passat ikkontribwew għal snin sħaħ billi ħallsu t-taxxa u l-assigurazzjoni nazzjonali, mhumiex intitolati li jirċievu benefiċċji tad-diżabbiltà jew tal-qgħad. L-aċċess għal appoġġ adegwat huwa kruċjali sabiex jiġu żgurati l-benesseri u d-dinjità ta’ kulħadd.

Bħala migranti bla dokumenti li ilna għal żmien twil ngħixu f’Malta m’aħniex qed nitolbu xi trattament speċjali; sempliċiment qed nitolbu li jkollna stabbiltà, u li s-snin twal ta’ xogħol iebes, l-isforzi ta’ integrazzjoni u l-kontribuzzjoni tagħna lejn is-soċjetà Maltija jiġu rikonoxxuti. M’hemm xejn li hu ġust f’li aħna u wliedna nitħallew ngħixu fi stat ta’ inċertezza u biża’. Ma jistax ikun hemm ugwaljanza jekk m’hemmx ekwità!

Il-Ħadd 25 ta’ Frar fit-15:00 se nkunu qed niltaqgħu fil-Pjazza tal-Ħamrun u se nimxu sal-Belt Valletta sabiex nippreżentaw it-talbiet tagħna quddiem il-Parlament. F’din il-protesta, qed niġu appoġġjati minn dawk li naħdmu magħhom, mill-ġirien, mill-kollegi u mill-ħbieb tagħna. Nistiednu lill-membri tal-komunità tal-migranti, impjegaturi, ħbieb, Maltin u residenti oħra li jappoġġjaw il-kawża tagħna biex jingħaqdu magħna!

L-għaqdiet li qed jappoġjaw:

  1. aditus foundation
  2. African Media Association Malta
  3. Blue Door Education
  4. Dance Beyond Borders
  5. Doctors for Choice
  6. Integra Foundation
  7. JRS Malta
  8. Justice and Peace Commission
  9. Kopin
  10. Lawyers For Choice (L4C)
  11. Men Against Violence 
  12. Moviment Graffitti
  13. Migrant Women Association Malta 
  14. MGRM – Malta LGBTIQ Rights Movement
  15. Office of the Dean of the Faculty of Education University of Malta
  16. Office of the Dean of the Faculty for Social Wellbeing 
  17. Repubblika
  18. SAR Malta Network
  19. Solidarjetà
  20. SOS Malta
  21. Sudanese Community Malta
  22. Syrian Solidarity in Malta
  23. The Daphne Caruana Galizia Foundation
  24. #OccupyJustice