Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tilqa’ l-Baġit 2022, u tagħraf iż-żminijiet ta’ sfida li pajjiżna u d-dinja għaddew u se jkomplu jgħaddu minnhom fil-futur qarib. Il-Kummissjoni qed toffri l-fehma tagħha fid-dawl tal-inizjattiva “Beyond GDP” li tnediet is-sena li għaddiet bil-għan li tippromwovi l-ħtieġa li pajjiżna jfassal mill-ġdid il-mudell ekonomiku tiegħu lejn viżjoni aktar olistika u sostenibbli.
Bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol
Diversi inizjattivi mressqa fil-baġit jippremjaw lil dawk li jixtiequ jaħdmu aktar. Il-Kummissjoni hi mħassba ħafna dwar l-effett li dan se jkollu fuq l-individwi u l-familji, u kif dawn l-inizjattivi se jkollhom impatt fuq il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol tal-ħaddiema.
Ġustizzja fiskali
Il-Kummissjoni tilqa’ l-enfasi li saret u li hija tant meħtieġa sabiex tiġi mħarsa u mħeġġa l-moralità fiskali ta’ pajjiżna. Il-ġustizzja titlob li kulħadd iħallas it-taxxi dovuti. Dan ma jinkludix biss lill-pubbliku ġenerali iżda wkoll il-partiti politiċi u n-negozji l-kbar. L-awtoritajiet għandhom jiżguraw ukoll li kull ewro li li jitħallas f’taxxi mill-poplu jissarraf f’benefiċċji ġusti. Għal dan il-għan, hemm bżonn urġenti li tiżdied it-trasparenza u r-responsabbiltà fl-użu tal-fondi pubbliċi.
Trasport pubbliku b’xejn
Il-Kummissjoni tilqa’ l-miżura tat-trasport pubbliku b’xejn. Din għandha tħeġġeġ aktar nies biex jaqilbu minn vetturi privati għal trasport pubbliku. Madanakollu, il-Kummissjoni tinnota li din l-inizjattiva se tkun imfixkla ħafna jekk ma tkunx akkumpanjata minn miżuri oħra li jiżguraw li s-servizz ikun konsistenti u ta’ ma min joqgħod fuqu, filwaqt li jiżdiedu l-puntwalità u n-numru ta’ passiġġieri li jesgħu l-karozzi tal-linja.
Ġustizzja soċjali
Il-Kummissjoni tinnota b’sodisfazzjon li fil-baġit hemm għadd ta’ inizjattivi dwar mekkaniżmu ġdid biex jgħin lil dawk bi dħul baxx u li qed jiġu affettwati b’mod ħażin miż-żieda fil-prezzijiet tal-affarijiet bażiċi bħalma hu l-ikel. Il-Kummissjoni tittama li din il-miżura tindirizza b’mod adegwat il-problema ta’ dħul minimu diċenti li ilha teżisti bosta snin.
Dwar il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, il-Kummissjoni tilqa’ l-aħbar tat-twaqqif ta’ ċentru ta’ rijabilitazzjoni. Madankollu, dan għandu jkun akkumpanjat minn riformi radikali li jagħtu prijorità lid-dinjità tal-priġunieri, il-familji tagħhom u l-vittmi.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-immigrazzjoni, il-Kummissjoni tesprimi d-diżappunt tagħha li għal darb’oħra dawk li qed ifittxu l-ażil qed jiġu kkunsidrati bħala piż. Il-baġit isostni li Malta rnexxielha tnaqqas in-numru ta’ wasliet ta’ migranti ġodda permezz ta’ ftehim li sar mal-Libja. Minħabba l-abbużi mwettqa kontra dawk li jfittxu l-ażil fil-Libja, li huma wkoll dokumentati, ftehimiet bħal dawn għandhom jiġu sospiżi immedjatament u riveduti. Dwar l-għeluq taċ-Centru Miftuħ tal-Marsa, sfortunatament fil-baġit la ngħataw dettalji dwar fejn se jibdew jgħixu r-residenti li bħalissa qegħdin fil-Marsa u lanqas dwar it-twaqqif ta’ faċilitajiet alternattivi adegwati biex jilqgħu lil dawk li qed ifittxu l-ażil.
Ambjent naturali
Il-baġit fih għadd ta’ inizjattivi pożittivi fejn tidħol is-sostenibbiltà ambjentali. Madankollu, it-tranżizzjoni għal futur tassew sostenibbli tinvolvi deċiżjonijiet iebsa li għad iridu jittieħdu. Pereżempju, filwaqt li ġie mwiegħed investiment fl-infrastruttura biex karozzi bl-elettriku jkunu jistgħu jiġu ċċarġjati, ma tħabbret l-ebda data ta’ skadenza li tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ karozzi li jniġġsu u li jaħdmu bil-petrol u diesel. Ta’ min isemmi wkoll li l-bosk imwiegħed fl-Inwadar f’Wied il-Għajn qatt ma jista’ jpatti għat-telf u l-qerda li jġib miegħu l-proġett propost tal-jott marina fl-istess lokalità.
Baġit tajjeb?
Fil-fehma tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, il-baġit huwa ‘tajjeb’ jekk jirnexxielu jagħti livell ta’ għajxien diċenti lil kulħadd, filwaqt li naqbżux il-limiti ambjentali tagħna. Il-baġit m’għandux ikun primarjament dwar in-numru ta’ benefiċċji ekonomiċi mqassma, li għalkemm huma importanti, mhux neċessarjament iwasslu għal titjib tal-kwalità ġenerali tal-ħajja. Filwaqt li l-Baġit 2022 jippreżenta numru ta’ inizjattivi pożittivi f’din id-direzzjoni, il-Kummissjoni tistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri mħabbra bit-tama li l-ġid komuni hu fil-qalba tal-istrateġija ekonomika tas-soċjetà tagħna u li dan jissupera gwadanni personali immedjati.