Waqt diskors li kien għamel lill-membri tal-Komunitajiet ta’ Ħajja Nisranija, il-Papa Franġisku kien staqsa jekk aħna, bħala Kattoliċi, għandniex tendenza nħarsu lejn il-politika mill-gallarija. Hu kien wissa li postna mhux li nħarsu mill-gallerija imma li ninvolvu ruħna u mmiddu idejna mill-aħjar li nistgħu.

Ispirati minn dan il-kliem u mid-dokument Yahad tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, matul dawn l-aħħar xhur ġew organizzati numru ta’ workshops ma’ gruppi ta’ edukaturi tal-Kulleġġ ta’ San Alwiġi. Il-biċċa l-kbira minn dawn il-laqgħat saru fir-Refettorju tal-Kurja ta’ l-Arċisqof, il-Furjana.

Matul dawn il-laqgħat, il-parteċipanti apprezzaw ferm l-opportunità li jkollhom spazju fejn setgħu jaqsmu ma’ xulxin l-esperjenzi, l-ħolm u l-frustrazzjonijiet tagħhom fejn tidħol iċ-ċittadinanza attiva u l-irwol tal-fidi f’din il-missjoni.

Fl-aħħar ta’ kull sessjoni, Mark Cachia, li mexxa dawn il-workshops, tkellem fil-qosor dwar il-viżjoni tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi għas-soċjetà Maltija hekk kif ippreżentata f’Yahad. Stieden ukoll lill-parteċipanti biex jaħsbu f’modi konkreti ta’ kif jistgħu jġibu bidla pożittiva fuq livell individwali u bħala komunità ta’ edukaturi.