Jiġi ti tmiemu vjaġġ ta’ tmien ġimgħat iffukat fuq l-Enċiklika Fratelli Tutti. Organizzati fil-parroċċa ta’ Wied il-Għajn, dawn it-tmien laqgħat kellhom bħala skop mhux biss dak li jispjegaw il-ħsieb tal-Papa Franġisku, imma wkoll li flimkien, fuq livell individwali kif ukoll bħala komunità, insaqsu lilna nfusna kif nistgħu nibnu soċjetà iktar fraterna msejsa fuq il-ġustizzja, il-verità u l-ħniena.

Wara input inizzjali mill-kelliema, f’kull laqgħa ingħata spazju għall-mistoqsijiet u reazzjonijiet mill-parteċipanti. Fost it-temi diskussi kien hemm il-kultura tal-ħitan, l-ekonomija, il-politika, il-vjolenza kif ukoll ir-relazzjonijiet diġitali. Dawk li attendew urew li apprezzaw ferm l-opportunità li jiddiskutu sfidi, li filwaqt li żgur li huma kumplessi u diffiċli, huma tant importanti li ma nistgħux ninjorawhom u nippretendu li ħa jissolvew waħedhom. Fl-aħħar ta’ kull laqgħa, Fr Mark Ciantar OFM, permezz ta’ referenzi għall-ħajja ta’ San Franġisk ta’ Assisi u siltiet mill-Ispiritwalità Franġiskana, tefa’ dawl fuq l-ispirazzjoni Franġiskana ta’ l-Enċiklika.

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, u ċ-Centru ta’ Spiritwalità Injazjana, li organizzaw dawn il-laqgħat jixtiequ jirringrazzjaw lill-Kappillan ta’ Wied il-Għajn, Fr Roderick Camilleri, li laqgħana fil-parroċċa b’tant ġenerożità, lill-kelliema għall-mod kompetenti u ċar li bih spjegaw l-isfidi li għandna quddiemna u lill-komunità parrokjali ta’ l-interess u l-parteċipazzjoni attiva tagħhom.