Aħna u nippreparaw biex neleġġu gvern ġdid fis-26 ta’ Marzu, diffiċli nsibu messaġġ aktar kontrakulturali fuq il-politika minn dak li joffri l-Papa Franġisku huwa u jistieden lill-Kattoliċi tajbin biex jinvolvu ruħhom fil-politika: “Ma tistax toqgħod tħares mill-gallarija! Involvi ruħek!”. “Il-politika, skont id-Duttrina Soċjali tal-Knisja, hija waħda mill-ogħla forom ta’ karità, għax isservi l-ġid komuni. Ma nistax naħsel idejja, ħeqq? Ilkoll irridu nagħmlu xi ħaġa!”

Ejja nikkunsidraw dak li qed jgħid il-Papa. Il-parteċipazzjoni politika mhijiex biss dritt u dmir. Kull meta tħares il-ġid komuni, il-parteċipazzjoni politika hija waħda mill-“ogħla forom ta’ karità”. Fi kliem ieħor, l-istedina li nsibu f’Mattew 25 biex nitimgħu lil min hu bil-ġuħ, nilqgħu lill-barrani eċċ. għandna ngħixuha mhux biss permezz ta’ servizz dirett li jissodisfa l-bżonnijiet urġenti tagħhom. Iżda wkoll, billi jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin ta’ dawn is-sitwazzjonijiet inġusti. U dan tal-aħħar jista’ jsir biss jekk fil-ħajja politika jidħlu biżżejjed nies ta’ rieda tajba.

Naturalment, il-kuntrast bejn it-ton “pożittiv” u ta’ tama tal-Papa u wħud mill-aġġettivi li ġeneralment nassoċjaw mal-politika f’pajjiżna – maħmuġa, disfunzjonali, korrotta, bla tama – huwa kbir.  Madankollu, l-attitudni pożittiva tal-Papa Franġisku dwar il-politika mhix xi ħaġa ġdida. Skont il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, “huwa dmir taċ-ċittadini li flimkien mal-awtoritajiet ċivili jikkontribwixxu għall-ġid tas-soċjetà fi spirtu ta’ verità, ġustizzja, solidarjetà u libertà”. Iċ-ċittadinanza responsabbli hija meqjusa bħala virtù, u l-parteċipazzjoni fil-ħajja politika – li tinkludi, iżda mhijiex limitata, għall-att tal-vot – hija obbligu morali (Nru 2240).

Allura, kif għandna naħsbu fuq dawk li jirrifjutaw li jitfgħu l-vot tagħhom? Lil hinn minn dawk in-nies li fis-26 ta’ Marzu mhux se jindenjaw jivvutaw frott l-għażż u l-egoiżmu irresponsabbli, forsi nafu b’diversi nies li fil-kuxjenza ddeċidew li jastjenu. Xi wħud setgħu kkonkludew, pereżempju, li l-vot għall-partiti u l-kandidati li ħerġin għall-elezzjoni jikkontribwixxi għall-kontinwazzjoni ta’ sistema politika immorali. Filwaqt li għandna nirrispettaw bis-sħiħ il-libertà tal-kuxjenza ta’ kull individwu u nirrikonoxxu li jista’ jkun hemm raġunijiet serji ħafna li jwasslu lil xi wħud biex ma jivvutawx, deċiżjoni bħal din jistħoqqilha eżaminazzjoni ulterjuri.

Fl-interpretazzjoni tiegħu tal-Kostituzzjoni Taljana, Roberto Benigni enfasizza b’mod memorabbli ż-żewġ għedewwa tal-Kostituzzjoni. L-ewwel għadu huwa n-nuqqas ta’ interess fil-politika. Skont Benigni, il-politika hija l-organizzazzjoni u l-bini ta’ ħajjitna. F’dan is-sens għandha tkun mhux biss rispettata imma maħbuba. Meta tiddisprezza l-politika tkun qed tiddisprezza lil ħajtek stess u l-ħajja ta’ wliedek.

It-tieni għadu, identifikat minn Benigni, huwa l-attitudni ta’ dawk li jpinġu lill-politiċi kollha bl-istess pinzell negattiv. Meta ma nagħrfux lil dawk li huma tassew korrotti u ma niddistingwuhomx mill-bqija, nispiċċaw nagħmlu favur kbir lill-politiċi diżonesti. Meta jiġri hekk, dawn il-politiċi diżonesti jserrħu rashom għax jirrealizzaw li ma ġewx identifikati mill-bqija.

Benigni jikkonkludi billi jgħid li lkoll nikkontribwixxu – b’mod żgħir iżda konkret – lejn it-tajjeb jew il-ħażin, il-ġustizzja jew l-inġustizzja. L-iktar ħaġa terribbli li nistgħu nagħmlu hija li niddeċiedu li ma nagħżlux. Meta nagħmlu dan, inkunu qed nimxu fuq il-passi ta’ Ponzju Pilatu. Id-deċiżjonijiet jitħallew f’idejn il-folla. U l-‘folla’ dejjem tagħżel lil Barabba.

L-intenzjoni tagħna hawnhekk żgur mhix dik li ngħidu lill-Kattoliċi għal min jivvutaw. Filwaqt li hu minnu li d-dmir tal-parteċipazzjoni politika żgur li ma tirriduċix ruħha għall-att tal-vot kull ħames snin, l-iskop tagħna huwa pjuttost dak li ngħinu lin-nies ta’ rieda tajba jirriflettu bis-serjetà fuq ir-raġunijiet li jistgħu jkunu qed jimbuttawhom biex jastjenu fl-elezzjoni li ġejja.

L-insara kollha f’dan il-pajjiż huma msejħin biex jieħdu sehem attiv fil-ħajja pubblika u jikkontribwixxu, kull wieħed skont il-pożizzjoni u r-rwol tiegħu jew tagħha, għall-ġid komuni. L-att tal-vot għal dak il-kandidat li – għalkemm żgur mhux perfett – joffri l-aqwa tama li jippromwovi l-ġid komuni tas-soċjetà fi spirtu ta’ verità, ġustizzja, solidarjetà u rikonċiljazzjoni huwa mod wieħed ta’ kif nistgħu nieħdu bis-serjetà dan id-dmir u din ir-responsabbiltà.

Filwaqt li huwa minnu li hemm ħafna toroq kif nistgħu nipparteċipaw, irridu nżommu f’moħħna li Elezzjoni Ġenerali mhix biss għażla bejn liema partit se jiggverna għall-ħames snin li ġejjin. L-għażla hija wkoll fuq it-tip ta’ soċjetà li nixtiequ ngħixu fiha, l-ambjent li se nħallu lil uliedna u l-valuri li rridu nħaddnu bħala pajjiż. Il-vot u l-parteċipazzjoni tagħna jistgħu jgħinu biex jiddeterminaw, b’mod żgħir iżda konkret, id-direzzjoni li nixtiequ nieħdu, – lejn it-tajjeb jew il-ħażin, il-ġustizzja jew l-inġustizzja.

Mark Cachia

This article first appeared in The Times of Malta (04/02/2022)