Nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Settembru, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent u l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, f’kollaborazzjoni mal-Patrijiet Franġiskani, organizzaw attività biex ifakkru l-Istaġun tal-Ħolqien 2023.

Madwar ħamsa u sebgħhin persuna kienu preżenti għal din l-attività. Fosthom kien hemm is-sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami u l-Ministru Provinċjal tal-Franġiskani Fr Anthony Chircop OFM.

L- attività bdiet b’mument ta’ talb imħejji minn Mark Cachia mill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ l-Anġli, Baħar iċ-Ċagħaq. Għat-tieni parti, il-parteċipanti ħarġu fuq iz-zuntier, fejn Fr Mark Ciantar OFM, mill-Kummissjoni Ambjent, introduċa l-Enċiklika Laudato Si u d-dokumentarju “The Letter: A Message for our Earth”. F’dan id-dokumentarju, ħames persuni mill-erba’ rkejjen tad-dinja – Senegal, foresta tal-Amażonja, Indja u Ħawaj – jivvjaġġaw lejn Ruma biex jiltaqgħu mal-Papa Franġisku. Huma jaqsmu miegħu l-esperjenzi tagħhom ta’ kif qed jirrispondu b’tama u determinazzjoni għall-kriżi ambjentali li qed tħalli impatt qawwi fuq il-komunitajiet tagħhom. 

Wara d-dokumentarju, Fr Mark mexxa wkoll diskussjoni fejn għal darb’oħra ġiet enfasizzata l-importanza li nisimgħu s-sejħa għall-konverżjoni biex nibdew nieħdu bis-serjetà ir-responsabiltà individwali u kollettiva tagħna li nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna.

Fl-aħħar tas-serata il-parteċipanti qasmu flimkien bibita imħejjija għall-okkażjoni mill-Komunità Santa Marija, ta’ l-Aġenzija Sedqa.