[1]Stop, look and listen.

See how wonderful it is.

But don’t think just yet.

For thoughts can be beautiful pathways,

But they can also make you forget.

Be still, look, and listen.

Even a mind must rest to create its best.

So, do not worry, dear heart, head, and hands,

You will have your season to work and to play.

As there is time enough for all, every single day,

There is also time to make no plans.

Ieqaf, ammira u isma’.  Kemm aħna familjari ma’ dawn l-azzjonijiet? Kemm nagħmluhom b’mod konxju?  Kemm aħna kapaċi nikkalmaw mil-ħajja frenetika u napprezzaw il-ħin li għandna, u mhux biss ingergru li m’għandniex biżżejjed ħin?

Matul dawn l-aħħar xuhur, bla ebda dubju, kulħadd jinsab mħawwad u kkonfondut minħabba it-tibdil u s-sitwazzjonijiet ġodda li d-dinja qed taffaċja minħabba l-virus COVID-19.  Kemm il-gvernijiet kif ukoll iċ-ċittadini qed jiġu awtomatikament mħeġġa sabiex jagħmlu pass lura, jikkalmaw ftit u jirrikonsidraw l-istil ta’ ħajja tagħhom.

Wieħed mil-fatturi dominanti f’dawn iċ-ċirkonstanzi straordinarji, kien bla ebda dubju t-tnaqqis drastiku fl-użu tad-diversi mezzi tat-trasport, hekk kif numri kbar ta’ titjiriet ġew imħassra, kif ukoll ħafna huma dawk li mhux qed juzaw mezzi ta’ trasport pubbliċi.  Fabbriki, uffiċċji u skejjel huma magħluqa, u b’hekk iktar nies qed iqattaw ħinijiet itwal id-dar flimkien mal-familji tagħhom.  Ukoll, sforz il-possibilita’ li ċertu prodotti tal-ikel jew affarjiet oħra ser ikunu skarsi, jista’ jġiegħel lil dak li jkun sabiex jikkonsma b’mod iktar konxju billi jevita’ il-ħela żejda.

Ir-riżultat ta’ dan kollu?  Skont in-NASA, it-tniġġis ta’ l-arja fiċ-Ċina naqas bi kwart matul dan l-aħħar xahar, hekk kif impjanti li jaħdmu bil-faħam, flimkien ma’ faċilitajiet industrijali oħra naqqsu drastikament l-operat tagħhom, dan minħabba l-fatt li l-impjegati li jgħixu fiż-żoni ta’ riskju, kellhom jibqgħu fi djarhom.  Riżultat ta’ dan, il-livelli tan-nitrogen dioxide, kawża prinċipali tat-tiġġis tal-arja, naqqsu bi 30%.

Il-lum il-ġurnata, kemm l-adulti kif ukoll it-tfal, qed jiġu kontinwament sfurzati jkunu iktar produttivi, ikunu strumenti ta’ tkabbir, jaħdmu għal ħinijiet twal, għax qisu permezz ta’ hekk biss wieħed jista’ jkun ta’ suċċess.  Pero, minkejja l-ikraħ u l-inkwiet kollu li ġab miegħu il-Coronavirus, stajna naraw kif ħajja inqas magħġġla tista’ tkun ta’ benefiċċju fuq diversi aspetti.  L-għan tagħna ma għandux ikun sempliċiment it-tkabbir, imma tkabbir sostenibbli. 

B’hekk inkunu nistaw ngħixu l-ħajja tagħna bi skop sensat, fejn l-għan aħħari għandu jkun dak li jkollna  kwalita’ ta’ħajja aħjar.  Hekk kif iktar nies iqattaw iktar ħin id-dar flimkien mal-familjari tagħhom, għandu jgħinhom sabiex japrezzaw iktar il-ħajja u lil-xulxin, filwaqt li jħaddnu prinċipji li jwasslu għal stil ta’ ħajja li hi iktar sostennibli. 

B’hekk, ejja naraw l-element pożittiv min dan kollu, u nieħdu l-opportunita’ sabiex nerġgħu inħaddnu ħajja tassew iktar bilanċjata, billi nkunu iktar preżenti fil-ħajja ta’ dawk ta’ madwarna, napprezzaw iktar dak li għandna, filwaqt li nsibu l-paċi magħna nfusna.  Kif jgħid wkoll l-Papa Franġisku: “Il-Paċi interjuri tista tiġi milħuqa billi nieħdu ħsieb l-ekoloġija u l-ġid komuni, u dan jista’ jiġi rifless f’ħajja bilanċjata flimkien mal-kapaċita’ li jkollna għarfien iktar profond tal-ħajja” (Laudato Si’: 225).  Mela ejja ngħamlu pass lura, nifhmu aħjar il-komplessita’ tal-ħajja Ii qed ngħixu fiha bħalissa u naffrontawha b’mod iktar ħolistiku.  Nistgħu nagħmlu dan billi nersqu iktar qrib tan-nies preżenti fil-ħajja tagħna, filwaqt li napprezzaw u nibzgħu iktar għal dak li toffrilna d-dinja. 

Mela, ejja flimkien, niefqu, inħarsu u nisimgħu sabiex nammiraw is-sbuħija li tħaddanna.


[1] Be Still My Soul, by Jennifer Williamson