Hawa fatt li bħalissa għaddejin minn mument delikat ħafna fl-istorja reċenti ta’ pajjiżna. Fuq l-għatba ta’ elezzjonijiet lokali u ewropew, ħarġet l-aħbar li numru ta’ politiċi, professjonisti u uffiċjali pubbliċi ħa jiġu mtella’ l-qorti b’akkużi gravi immens. Bħal ma jiġri ta’ spiss f’dawn l-okkażjonijiet, hemm riskju kbir li persuni ta’ rieda tajba li jixtiequ jifhmu tassew fejn hi l-verità u li jixtiequ li f’pajjiżna ssaltan il-ġustizzja u l-paċi jispiċċaw diżorjentati u mitlufin quddiem il-kwantità ta’ ilħna, propaganda u nofs veratijiet li bihom qed niġu ibbumbardjati. Hu għalhekk tajjeb li bħala Nsara, infakkru lilna nfusna min hu l-bniedem ġust minn lenti nisranija u x’inhuma l-kwalitajiet ta’ ġustizzja li bhom għandu jiġi mkejjel l-aġir tagħna u ta’ dawk kollha li għandhom xi kariga pubblika. Għal dan il-għan ħa nagħtu ħarsa lejn dak li qal madwar xahar ilu l-Papa Fraġisku fuq il-ġustizzja waqt l-Udjenza Ġenerali tat-3 ta’ April.
L-ewwelnett il-Papa fakkar li l-ġustizzja ma tmissx biss mal-awli tal-qrati, imma għandha tkun parti mill-etika personali li timmarka l-ħajja tagħna ta’ kuljum. Il-bniedem ġust għalhekk huwa dak li jgħasses fuq l-imġiba tiegħu nnifsu biex ma jagħmilx ħsara lill-oħrajn, billi, per eżempju, jgħati salarju korrett lill-ħaddiema kollha.
Għall-bniedem ġust, il-liġi ġusta hija dak il-ħajt li tipproteġi lil dawk li ma għandhomx min jiddefendihom mill-abbuż ta’ poter tas-setgħanin. Jifhem ukoll li l-ġid komuni għandu jieħu prijorità fuq il-ġid individwali, għax “ma jistax ikun hemm veru ġid għalija jekk ma jwassalx anki għal-ġid ta’ kulħadd.”
Għan-nisrani, il-virtù tal-ġustizzja ma tistax tinfired minn atteġġjamenti oħra ta’ virtù, bħal m’huma l-onestà u l-verità. Il-ġustizzja fil-fatt tistabilixxi mal-oħrajn relazzjonijiet sinċiera fejn l- “iva hija iva, u l-le,le (Mt 5:37). Għaldaqstant, kompla l-Papa fl-Udjenza Ġenerali, fejn issaltan il-ġustizzja m’hemmx post għal nofs veritajiet u “diskorsi sottili biex iqarrqu bil-proxxmu”. U jekk jiżbalja, il-ġust “jitlob skuża.”
Fl-aħħarnett, il-Papa ddefinixxa l-ġustizzja bħala l-antidotu kontra l-“kankru tal-korruzzjoni””. Fi kliemu l-bniedem ġust “jistmell il-pjaċiri u ma jinnegozjax favuri. Iħoss ir-responsabbiltà u hu eżemplari f’li jgħix u jippromovi l-legalità.”
Il-kliem tal-Papa huwa ċar daqs il-kristall. Fil-ktejjeb Yahad, ippublikat fl-2021, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi kienet ukoll fakkritna li mingħajr ġustizzja, la hemm paċi u lanqas rikonċiljazzjoni: “Aħna nemmnu bis-sħiħ li t-tfittxija għar-rikonċiljazzjoni u t-tiftixa għall-ġustizzja jmorru id f’id. U l-valur li jirfed dawn it-tfittxijiet interkonnessi huwa l-verità” (Yahad).
L-isfida hija li napplikaw dan it-Tagħlim kemm għall-ħajja personali u professjonali tagħna, kif ukoll għad-deċiżjonijiet li għandna d-dmir nieħdu fl-isfera pubblika, inkluż bil-vot tagħna. It-tfittxija tal-verità u l-ġustizzja għandhom mnejn jaqtgħulna qalbna. U żgur li hemm interess minn naħa ta’ dawk li ma jimxux b’ġustizzja li din it-tfittxija tkun diffiċli u iebsa kemm jista’ jkun. Imma bħala Nsara, “bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja” (Mt 5:6), żgur li l-għażla li naqtgħu qalbna minn din it-tfittxija għandna narawha biss bħala tentazzjoni. Mhux talli m’għandniex nirtiraw minn din it-taqtiegħa imma għandna immiddu idejna b’għaqal, b’perseveranza u saħansitra b’dik l-imħabba li tfittex il-verità u l-ġustizzja mingħajr ma tkisser lil ħadd. Wara kollox, fi kliem il-Papa Ġwanni Pawlu II, “Hija biss l-imħabba li tista’ tibni, filwaqt li l-mibegħda twassal għad-devastazzjoni u l-qerda.” (Messaġġ għat-XXX Jum Dinji tal-Paċi, 01-01-1997).
(Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fil-Leħen is-Sewwa 19/05/2024)