Din is-silta mill-ktieb tal-Koħelet, li tirrifletti fuq il-bżonn ta’ ħajja riflessiva u li tingħex b’pass meqjus, tikkuntrasta bil-qawwi l-kaos u l-ġenn tad-dinja tal-lum. Illum, qegħdin ngħixu ħajja kkaratterizzata minn ġenn kontinwu. Spiss insibu ruħna niġru wara l-arloġġ jew naraw kif nagħmlu biex neħilsu kemm jista’ jkun affarijiet fl-inqas żmien possibbli. Hekk qegħdin nitilfu s-sens ta’ meravilja u apprezzament tal-affarijiet li jikbru bil-mod, u li jieħdu l-ħin tagħhom biex jagħmlu l-frott. Fis-sistemi kapitalisti neoliberali tagħna, kull attività li ma tiġġenerax flus malajr kemm jista’ jkun hija antitetika għall-valuri ta’ żmienna. F’din il-viżjoni tad-dinja, aħna neżistu biss biex nikkunsmaw, u dak huwa l-‘valur’ tagħna. Sirna ridotti għal sempliċi konsumaturi, xejn iżjed.

Mhux ta’ b’xejn, mela, li l-pjaneta tagħna qiegħda taffaċċja kriżi ekoloġika bla preċedent, tant li qegħdin nidħlu fis-sitt estinzjoni tal-massa fl-istorja tal-pjaneta tagħna.

Huwa diffiċli li wieħed jiġbor fil-qosor il-bidliet kbar li qegħdin naraw fid-dinja tal-lum. F’medda ta’ żewġ ġenerazzjonijiet, il-popolazzjoni tagħna ttriplikat, id-dħul medju globali kiber aktar minn 4 darbiet u l-marka li qegħdin inħallu fuq il-pjaneta aħna l-bnedmin splodiet ‘l fuq. F’dik li tissejjaħ “L-Aċċelerazzjoni l-Kbira”, dawn l-aħħar 70 sena raw l-akbar bidliet trasformattivi u profondi għall-pjaneta tagħna u għar-relazzjoni tal-umanità mad-dinja naturali. Dawn il-bidliet drammatiċi huma evidenti fil-graphs: ħares lejn kull attività umana (it-tkabbir tal-GDP, il-produttività agrikola, id-deforestazzjoni, it-telf tal-bijodiversità, it-tniġġis) u tosserva tkabbir esponenzjali matul l-istess perjodu. Din hija xi ħaġa tal-għaġeb iżda inkwetanti ħafna.

Ejja naffaċċjaw il-fatti: f’dinja b’konfini ekoloġiċi reali ħafna, ma nistgħux nibqgħu għaddejjin b’dan il-pass dejjem aċċellerat. Qisna ferrovija li sejra lejn tarf l-irdum; irridu nsibu mod kif innaqqsu l-voloċità, inwaqqfuha, u forsi nreġġgħuha lura. Huwa diffiċli, iżda mhux impossibbli. Is-sopravivenza tagħna – is-sopravivenza tad-Dinja, tiddependi fuqha.

Ħajja bil-mod u ekoloġija bil-mod

Għalkemm din tista’ tidher kontro-intuwittiva għalina, aħna li twelidna u trabbejna f’dinja fejn li teħodha easy huwa marbut mal-privileġġ, mal-lussu jew mal-għażż, għandna nibdew inħarsu lejn id-dinja naturali ta’ madwarna għall-ispirazzjoni. Hekk kif, in-natura tieħu ż-żmien biex tistabbilixxi ruħha, tikber, titfejjaq u tirnexxi, hekk ukoll aħna rridu nħaddnu tnaqqis fl-attività tal-bniedem. Is-sistemi li jappoġġjaw il-ħajja tagħna ma jistgħux sempliċiment jimmaniġġaw l-intensifikazzjoni tal-attività tal-bniedem – il-limiti miksura diġà qegħdin jidhru fl-aċċelerazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-qerda ekoloġika.

Filwaqt li ma nistgħux inġiegħlu n-natura tħaffef, irridu nieqfu nisfurzaw lilna nfusna milli nimxu f’pass tal-ħajja daqshekk aċċellerat. Mhux ta’ b’xejn li l-istil ta’ ħajja sinjura u mgħaġġla tagħna qegħdin jikkontribwixxi għall-istress, kriżijiet ta’ saħħa mentali u nuqqas ta’ sodisfazzjon ġenerali mill-ħajja. Qegħdin anke naffaċċjaw waqfa fil-komunitajiet tagħna  – bilkemm għandna ħin għalina nfusna, aħseb u ara għall-oħrajn. Kif jista’ xi ħadd jibbenefika minn dan kollu? Wara kollox, il-ġisem tagħna huwa oriġinalment il-ġisem ta’ kaċċatur-bidwi, li issa sab ruħu f’dan l-ispazju artifiċjali, ta’ spiss sterili li ngħixu fih illum. Aħna wkoll għandna bżonn innaqqsu l-pass, biex ma ninsewx min aħna tassew.

Din il-ħtieġa li nnaqqsu l-pass tal-ħajja tagħna tista’ tieħu diversi forom. Ma nistgħux nibqgħu sempliċi konsumaturi li l-ħin kollu infittxu prodotti li jipprovdu sodisfazzjon li ma jdumx. Għandna bżonn inqisu l-intensifikazzjoni tal-pass tal-ħajja bħala periklu morali, mhux bħala xi ħaġa pożittiva. Ħajja b’pass moderat hija possibbli, u għandha ssir l-għan li lkoll għandna nfittxu. Dan ikollu benefiċċji multipli għalina nfusna, il-komunitajiet tagħna u l-ambjent naturali tagħna.

Fl-artiklu tiegħu dwar l-ekoloġija meqjusa, il-ġurnalist George Monbiot jgħid li l-aqwa rigal li nistgħu nagħtu lid-dinja naturali huwa “il-ħin, u ħafna ħin”. Ma nistgħux nippretendu li jekk inneħħu siġra qadima u nibdluha b’10 siġar ġodda nkunu għamilna gwadann pożittiv. Kif tista’ tissostitwixxi l-bijosfera ġentili u delikata maħluqa minn siġra li mmaturat fuq medda ta’ għexieren ta’ snin, jekk mhux sekli, u li ssostni pajsaġġ u katina elimentari sħiħa? Il-metodi tagħna biex nipprezzaw dawn l-ekosistemi huma tant primittivi, u tant traskurati. M’hemm l-ebda sostitut għall-ħlejjaq tal-qedem, jew tabilħaqq għal xi organiżmu ewlieni ieħor fl-ambjent tagħna. Għandna bżonn ukoll nieqfu nippretendu li l-‘mod tagħna ta’ kif nagħmlu l-affarijiet’ huwa l-aħjar. L-evidenza turi biċ-ċar li, meta inħallu n-natura bi kwieta, spazji mhux disturbati jinbidlu f’hotspots ekoloġiċi b’kumplessità kbira. Dik il-kumplessità – mibnija bil-mod, maż-żmien, iffurmata mill-ħin u ċ-ċirkostanzi, hija dik li tagħmel ekosistema reżiljenti u li kapaċi tibqa’ ħajja maż-żmien, inkluż tul il-bidla tal-klima li qed niffaċċjaw illum u fis-sekli li ġejjin.

Nirrispettaw in-natura, nirrispettaw lilna nfusna

Tabilħaqq, hemm ‘staġun, u żmien għal kollox taħt is-sema’ – għandna nħallu biżżejjed ħin għall-affarijiet tagħna, u nħallu n-natura tieħu l-għeruq. Dan japplika kemm għall-isferi umani kif ukoll għal dawk naturali – ma nistgħux nibqgħu nippretendu li l-mod ta’ ħajja attwali tagħna huwa l-aħjar mod kif ngħixu, jew li l-mod kif nittrattaw in-natura bħala ‘fornitur ta’ servizzi’ jirrispetta l-bijoloġija kollettiva tagħna. ‘Kif?’, wieħed jistaqsi ‘nistgħu niġġieldu s-sistema? ’. Ibda billi tagħżel li tgħix ħajja aktar bil-mod, jgħidu x’jgħidu l-oħrajn. Ibda billi tħalli l-konsumeriżmu warajk, u ffoka fuq dak li ma jintemmx u huwa importanti tassew. Ibda billi tirrifjuta ħajja mgħaġġla li ma tħalli l-ebda ħin għar-riflessjoni u l-istagħġib. Ibda billi tagħżel li tinżel minn fuq il-ferrovija li riesqa lejn ix-xifer tal-irdum. Nistedinkom biex taqraw din il-poeżija sabiħa ta’ Mary Oliver:

When I am Among the Trees

Mary Oliver

When I am among the trees,
especially the willows and the honey locust,
equally the beech, the oaks and the pines,
they give off such hints of gladness.
I would almost say that they save me, and daily.

I am so distant from the hope of myself,
in which I have goodness, and discernment,
and never hurry through the world
but walk slowly, and bow often.

Around me the trees stir in their leaves
and call out, “Stay awhile.”
The light flows from their branches.

And they call again, “It’s simple,” they say,
“and you too have come
into the world to do this, to go easy, to be filled
with light, and to shine.”

Tabilħaqq, dik hija l-lezzjoni li rridu nitgħallmu – biex ma ngħaġġlux fid-dinja, nimxu bil-mod, u nagħmlu ta’ spiss sinjal ta’ reverenza.

Dr John Paul Cauchi