HopeGen, proġett ta’ sena bejn il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u l-Malta Catholic
Youth Network (MCYN), ġie mniedi sabiex b’mod attiv, iż-żgħażagħ ikollhom l-għodda
u s-setgħa jibnu soċjetà aktar ġusta.

Permezz ta’ HopeGen, il-Knisja f’Malta hi impenjata li trawwem ġenerazzjoni ta’
żgħażagħ bit-tama li jkunu ċittadini attivi u responsabbli. Dan filwaqt li jindirizzaw ukoll
diversi sfidi, inġustizzji, u inċertezzi preżenti madwarna. It-taħriġ lil madwar 15-il
parteċipant se jingħata permezz ta’ taħdidiet, workshops, diskorsi minn esperti,
diskussjonijiet fi gruppi u l-ħolqien ta’ kampanji ta’ għarfien.

Waqt it-tnedija, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi faħħar l-inizjattiva ta’ HopeGen,
u rringrazzja lill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u lill-MCYN għal dan il-proġett. Hu qal
li HopeGen hu kontribut importanti tal-Knisja f’Malta għal persuni li jixtiequ jagħtu
sehemhom fil-politika u fis-soċjetà Maltija ispirati minn valuri umani li jagħmlu l-ġid.
Hu ħeġġeġ lil dawk li se jieħdu sehem f’HopeGen biex ikunu midħla tat-Tagħlim
Soċjali tal-Knisja b’mod li jmorru dejjem għas-sori oriġinali, mhux iserrħu biss fuq
informazzjoni mill-midja soċjali.

L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u l-eks Ministru Evarist Bartolo qasmu l-ħsibijiet
tagħhom dwar l-isfidi attwali li qed jaffaċċja l-pajjiż. Huma enfasizzaw il-periklu li
persuna ċċedi għaċ-ċiniżmu, li jwassal biex toqgħod ‘il bogħod mill-ħajja pubblika, u
ħeġġew l-importanza li nibqgħu impenjati fil-politika.

Żewġ parteċipanti ta’ HopeGen, Juanita Galea u Matthew Grech, tkellmu dwar
il-periklu meta nħallu l-biża’ twaqqafna u tbiddel il-ħsieb u l-perċezzjoni tagħna
tar-realtà. Huma enfasizzaw il-ħtieġa li l-politiċi jimxu mal-prinċipji tagħhom filwaqt li
jrawmu djalogu miftuħ.

HopeGen hu frott il-proċess ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’, li l-Knisja f’Malta qed
tagħmel għal dawn l-aħħar erba’ snin bil-għan li permezz ta’ inizjattivi ġodda, il-valuri
u l-prinċipji li tħaddan il-Knisja jaslu aktar għand in-nies.

Aktar dettalji jinkisbu minn hopegen.church.mt.