Il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi temmen li l‑prosperità finanzjarja li għaddej bħalissa minnha l‑pajjiż għandha tissarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd. Fid‑dokument tagħha bil‑proposti għal qabel il‑Baġit 2019, il‑kummissjoni ppreżentat rakkomandazzjonijiet marbuta ma’ ħames oqsma ewlenin: it‑trasport, l‑ambjent, is‑saħħa, l‑akkomodazzjoni affordabbli u l‑migrazzjoni.

Trasport: Huma meħtieġa aktar soluzzjonijiet fit‑tul flok dawk temporanji. Dawn jistgħu jinkludu titjib fl‑infrastruttura tagħna biex tkun tista’ tippermetti li t‑trasport pubbliku, il‑carpooling, il‑mixi u ċ‑ċikliżmu verament ikomplu jsiru alternattivi validi għall‑vetturi privati. Għandhom jiġu implimentati l‑Istrateġija Nazzjonali tat‑Trasport 2050 u l‑Abbozz għall‑Pjan Nazzjonali tat‑Trasport 2025. Jistgħu jiġu wkoll ikkunsidrati soluzzjonijiet alternattivi bħal xogħol mid‑dar bħat-teleworking.

Ambjent: Huwa neċessarju t-twaqqif ta’ mudell ta’ Ekonomija Ċirkulari li japplika fil-kuntest lokali. L-awtoritajiet għandhom jaħdmu għal gżira aktar nadifa permezz tal- introduzzjoni ta’ aktar siġar u pjanti f’żoni urbani. Barra minn hekk għandu jsir ippjanar bil‑quddiem għall‑użu tal‑art b’mod effiċjenti kif ukoll tiġi assigurata l‑protezzjoni tal‑wirt ambjentali.

Saħħa: Ladarba jiġu trattati kwistjonijiet ambjentali u tat‑traffiku, dawn awtomatikament iwasslu għal stil ta’ ħajja iktar san. Għandhom jittieħdu azzjonijiet konkreti għall‑problema tal‑obeżità billi tiżdied l‑attività fiżika fl‑iskejjel, introduzzjoni ta’ miżuri fuq ikel ħażin għas‑saħħa, u inċentivi biex jiżdied il‑mixi u/jew l‑użu tar‑rota. Għandhom jiżdiedu r‑riżorsi għall-kura tas‑saħħa mentali sabiex jingħataw servizzi ta’ kwalità kemm lill‑pazjenti kif ukoll lill‑qraba tagħhom jew min jieħu ħsiebhom.

Akkomodazzjoni affordabbli: Biex jittaffa parti mill‑piż finanzjarju tal‑akkomodazzjonijiet, il‑Gvern għandu jħares lejn skemi differenti, bħal (i) skema ta’ propjetà bi sħab (ii) ipoteka garantita mill-Gvern u (iii) tnaqqis tal-imgħax fuq is-self mit‑taxxi. Il‑Kummissjoni tistenna l‑pubblikazzjoni tal‑white paper fuq is-suq tal-kera, bit-tama li tinkludi diversi soluzzjonijiet.

Migrazzjoni: F’termini ta’ impjegati barranin il‑Gvern irid jassigura li kundizzjonijiet tajbin u ugwali qegħdin jitgawdew minn kulħadd, irrespettivament min‑nazzjonalità. Dan jista’ jsir permezz ta’ twaqqif ta’ uffiċċju legali li jipprovdi tagħrif dwar id‑drittijiet u l‑obbligi li għandhom persuni minn pajjiżi terzi. Il‑leġiżlazzjoni legali għandha titranġa biex tinkludi protezzjoni effettiva lill‑ħaddiema barranin li jirrappurtaw abbuż fuq xogħolhom. Programmi ta’ integrazzjoni għandhom jiġu inkoraġġuti. Dwar persuni li qed jitolbu l‑ażil u refuġjati, il‑Kummissjoni ġġedded l-appell tagħha għar-rispett lejn l‑umanità ta’ dawn l‑individwi. Il‑Gvern għandu jinvesti f’ċentru ta’ akkoljenza fejn jilqa’ lil dawn l‑individwi għall‑ewwel darba. Għandhom isiru iktar sforzi biex dawn l‑individwi jingħaqdu mal‑qraba tagħhom, kemm jekk huma refuġjati rikonoxxuti jew benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja.

Il‑Kummissjoni tikkonkludi bi kliem il‑Papa Franġisku, fejn jgħid li “żvilupp teknoloġiku u ekonomiku li ma jħallix dinja aħjar u kwalità ta’ ħajja integralment aqwa, dan ma jistax jissejjaħ progress,” u titlob għal bidla fil‑mod ta’ x’nifhmu u kif inqisu progress mhux biss f’termini ekonomiċi. Neħtieġu nibdlu l‑mod kif nikkunsmaw u nittrattaw l‑ambjent; il‑mod kif nieħdu d‑deċiżjonijiet ta’ kuljum, u kif ninvestu. Il‑Gvern jista’ jgħin biex ibiddel din it‑tip ta’ mġiba permezz ta’ iktar investiment fis‑sistema edukattiva, u billi jassigura li l‑edukazzjoni ma tiffokax biss fuq li tgħaddi lill‑istudenti mill‑eżamijiet imma billi ttihom l‑ħila li jsiru ħassieba kritiċi, adulti maturi u għaqlin u għalhekk ċittadini responsabbli.

B’dan il‑mod biss nistgħu nassiguraw li l‑benefiċċji ekonomiċi jwasslu verament għal stil ta’ ħajja aħjar u iktar sostenibbli għal kulħadd, inkluż il‑ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

Agħfas hawn biex tniżżel il-proposti għall-Baġit 2019 mill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.