Ma nistgħux niċħdu l-fatt, li, sa qabel faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19, Malta kienet qed tesperjenza tkabbir ekonomiku qawwi u titjib fejn jidħol il-Prodott Gross Domestiku (GDP). Tant hu hekk, li sena wara l-oħra, konna qed nisimgħu b’bosta numri sbieħ u statistiċi pożittivi li juru kif Malta għaddejja minn surplus ekonomiku. Minkejja li fit-teorija ekonomika nsibu li GDP għoli normalment jirriżulta fi kwalità ta’ ħajja aħjar, inħoss li dawn in-numri mhux dejjem jirriflettu r-realtà ta’ madwari – spiss nisimgħu b’familji li għaddejjin minn problemi finanzjarji u li mhux ilaħħqu mal-ħajja jew b’Maltin bħali li qed jesperenzaw ħajja sfrenata jew oħrajn li jbatu mis-solitundi, l-ansjetà jew l-esklużjoni soċjali.
F’din il-linja ta’ ħsieb jidħol ir-rapport ‘Beyond GDP’ (għafas hawn biex taċċessa r-rapport sħiħ) li l-għan aħħari tiegħu hu li jagħti xejra aktar ħolistika biex l-ekonomija tagħna ma tħarisx biss lejn il-GDP, jiġifieri lejn koċċ numri mniżżlin fuq karta, iżda li tħares lejn dimensjonijiet aktar usa’ u diversi biex nkejlu aħjar il-kwalità tal-ħajja. Huwa rapport li, fil-qofol tiegħu, jissuġġerixxi li l-istatistika tħares lil hinn mill-flus u l-finanzi tal-gvern u tibda tħoss il-polz taċ-ċittadin. Għalhekk, dawn in-numri ma jistgħux jinjoraw is-sentimenti tan-nies, il-livelli ta’ kuntentizza, il-livelli ta’ edukazzjoni, is-saħħa fiżika u mentali jew l-ambjent. Anzi, dawn il-fatturi jridu jintgħaġnu flimkien mal-GDP biex tinħoloq stampa aktar reali u veritiera li tirrifletti aħjar l-andament tal-pajjiż. Il-flus, m’għandhomx ikunu l-għan ewlieni ta’ ħajjitna iżda għandhom iservu ta’ instrument biex nilħqu l-potenzjal tagħna u jkollna l-kuntenizza li ħaqqna.
Dawn id-dimensjonijiet li jiddiskuti r-rapport, huma magħġunin mat-tagħlim tal-Knisja li spiss tinsisti fuq il-ħtieġa ta’ ekonomija aktar umana, sostenibbli u li taħseb fil-ġenerazzjonijiet futuri. Mis-sitt dimensjonijiet li jiddiskuti r-rapport, nammetti li bħala żagħżugħ Malti, tnejn minnhom laqtuni aktar minn oħrajn. Dawn huma dawk tal-housing u s-saħħa fiżika u mentali.
Nibda mid-dimensjoni tal-housing. Kif jikkwota r-rapport stess, l-enċiklika tal-Papa Franġisku tasserixxi li d-dar toffri sens ta’ dinjità u tagħti l-possibilità li l-familji jikbru u jiżviluppaw. Inħoss li r-realtà lokali qed tfixkel u tagħmilha ferm diffiċli biex iż-żgħażagħ u l-first time buyers jiksbu dar li fiha jkunu jistgħu jgħixu ħajja dinjituża. Ma nħossx li hu ġust li biex wieħed jakkwista appartament biex fih jgħammar ma’ familtu, jeħtieġlu jiddejjen għal ħajtu jew jitgħabba b’loan li jibqa’ jħallas sa ma joħroġ bil-pensjoni – u dan kollu għar-rgħiba u l-egoiżmu ta’ xi Maltin.
Dimensjoni oħra li laqtitni u li tmur lil hinn mill-istatistika ppubblikata fuq il-GDP, hija dik li tħares lejn is-saħħa u l-istil ta’ ħajja. Għax x’jiswa li pajjiż, sena wara sena, jirreġistra titjib fil-GDP u jħalli warajh problemi ta’ obeżità, mard mentali u ħajja sfrenata li twassal għall-ansjetà? X’jiswa li l-kaxxa ta’ Malta tgawdi minn surplus biex imbagħad, ir-rata ta’ Maltin li jbatu mill-ażma jew mard tal-qalb dejjem tiżdied? U fl-aħħar nett, x’jiswa li l-ekonomija tkun b’saħħitha jekk il-Maltin qed ikollhom jaħdmu aktar sigħat jew ibatu mis-solitudni u d-dipressjoni? Jeħtieġ li dawn il-fatturi jkunu kkunsidrati sew qabel nippubblikaw xi numri biex inserrħu ras il-Maltin li l-ekonomija sejra tajjeb. Is-saħħa, kemm fiżika u mentali, u l-kuntentizza, għandhom dejjem jieħdu superjorità fuq il-GDP.
Dan ir-rapport mela, jissuġġerixxi qafas ekonomiku ġdid li jkejjel is-suċċess tal-ħajja soċjali billi jikkunsidra dawn il-fatturi soċjo-ekonomiċi. Huwa rapport li jagħti wkoll għadd ta’ suġġerimenti prattiċi (ara paġna 43) biex il-pajjiż jadatta u jiżviluppa din il-viżjoni ġdida li biha nagħtu xejra aktar ħolistika u umanitarja lid-dinja tal-ekonomija, u sussegwentament, lis-soċjetà. Inwassal għalhekk it-talba tiegħi lejn l-awtoritajiet biex jagħtu widen u jiftħu t-triq għall-konsultazzjoni biex il-bniedem, u mhux il-flus, jibqa’ ċ-ċentru tal-ħajja.