Iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħaddiem ta’ din is-sena qed isseħħ f’kuntest uniku. Huwa kuntest fejn aktar min qatt qabel, il-kwistjoni tax-xogħol hi tassew relevanti.  F’dawn l-aħħar ġimgħat, l-esperjenza tax-xogħol ta’ ħafna minna nqalbet ta’ taħt fuq. Uħud qed jaħdmu mid-dar, oħrajn ma jistgħux jagħmlu xogħolhom, filwaqt li hemm ukoll min spiċċa bla xogħol.  Imbagħad hemm dawk li s-soċjeta’ sserraħ fuq xogħolhom u li ma’ nistgħux ngħaddu mingħajr l-kontrubizzjoni tagħhom.

Din is-sitwazzjoni waslitna biex nistaqsu dwar dak li hu l-aktar essenzzjali f’ħajjitna, u x’valur qed nagħtu lix-xogħol ta’ dawk il-persuni li jagħmlu ix-xogħol li hu tassew meħtieġ bħalissa.  Ma nistgħux ma nkunux grati għal dawk il-ħaddiema li jaħdmu fis-settur tas-saħħa, dawk li qed jaħdmu sabiex l-provisti tal-ikel ma jonqsux, dawk li jieħdu ħsieb it-tindif tal-postijiet pubbliċi kif ukoll dawk li jiġbru l-iskart, mingħajr ma ninsew lil dawk li jinfurzaw il-liġi u l-protezzjoni ċivili.  Bla ebda dubju, ħafna minna wrew li huma ġenerużi u li lesti jagħmlu sagrifiċċji, uħud ikbar min ta’ oħrajn, u dan kollu għall-ġid tal-komunita’.

Il-ħsieb tagħna jmur ukoll għal dawk li sfaw qiegħda matul dawn l-aħħar ġimgħat u qed jissieltu biex ilaħħqu mall-ħajja jew jinsabu nkwetati dwar il-futur tagħhom. 

F’dawn iċ-ċirkostanzi, llum nixtiequ nirriflettu fuq tlett punti li għamel il-Papa Franġisku waqt laqgħa mal-ħaddiema ġewwa Cagliari[1] fl-2013, li għadhom ferm validi illum.

1. Npoġġu l-persuna u x-xogħol fiċ-ċentru.

Huwa fatt li din il-pandenemija rriżultat fi kriżi ekonomika ta’ dimensjonijiet globali, imqabbla minn ħafna mal-“great depression”.  It-twaqqif għal-kollox ta’ numru ta’ setturi sabiex jiġi mrażżan it-tixrid tal-virus, wassal għal konsegwenzi gravi fuq ċerti setturi ekonomiċi.  Fil-ġirja biex jerġgħu jinfetħu l-ekonomijji, u jitniedu strateġijji ġodda ta’ tkabbir, wieħed ma’ jridx jinsa d-dimensjonijiet etiċi, spiritwali u umani ta’ dan kollu.  Il-prijorita’ tagħna għandha tkun fuq il-bniedem u l-ġid komuni, aktar milli fuq il-profitt u l-gwadann.  Sabiex dan iseħħ, ix-xogħol tal-bniedem hi ċ-ċavetta, probabbli ċ-ċavetta essenzjali, hekk kif il-knisja insistiet għal-sekli fit-tagħlim soċjali tagħha.[2] 

“Ix-xogħol għandu jkun garantit, jekk għandu jkun hemm promozzjoni awtentika tal-persuna .  Dan hu eżerċizzju għas-soċjeta b’mod sħiħ.  Għalhekk għandna nagħrfu l-mertu ta’ dawk l-imprendituri li qatt ma’ waqfu jistinkaw minkejja kollox, jinvestu u jieħdu riskji sabiex jiggarantixxu l-impjiegi….  F’din il-fażi il-ħsieb ewlieni tas-soċjeta’ kollha, permezz ta’ kull membru tagħha, għandu jkun li  tagħmel l-għalmu tagħha sabiex tassigura x-xogħol, li hu s-sors ta’ dinjita’!”

2. L-Evanġelju tat-tama.

F’mumenti ta’ kriżi huwa faċli li wieħed jinġarr mal-kurrent u jitlef it-tama, pero Papa Franġisku jinsisti “Tħallux li tinsterqilkom it-tama!”.  Fil-waqt li jqabbel it-tama mal-ġamar taħt l-irmied; il-Papa jinsisti li permezz tas-solidarjeta’, nistgħu ngħinu lil xulxin nrewwħu l-ġamar sabiex terġa taqbad il-ħuġġieġa.  Fi kliemu, t-tama u s-solidarjeta’ jistgħu jibnu d-dinja tal-futur.  It-tama li tmexxina l-quddiem m’għandiex tiġi mifxula mal-ottimiżmu, li hu sempliċement atitudni psikoloġika.  Kif ippoġiha l-Papa Benedittu XVI, għal dawk li għandhom tama, “Il-bieb mudlam taż-żmien, tal-ġejjieni, infetaħ beraħ. Min għandu t-tama jgħix b’mod differenti; ’il dan ingħatatlu ħajja ġdida.” (Benedittu XVI, Enċiklika Spe Salvi, n.2)

3. Xogħol dinjituż għal kulħadd.

“Soċjeta’ miftuħa għat-tama mhijiex magħluqa fiha nnifisha biex tiddefendi l-interessi tal-ftit.  Anzi, tħares ‘il quddiem mil-lenti tal-ġid komuni.  U dan jitlob minn kulħadd sens qawwi ta’ responsabilita’.  Ma jistax ikun hemm tama soċjali mingħajr xogħol dinjituż għal kulħadd.  Għal din ir-raġuni, għandna “nkomplu niprijoritiżżaw l-għan ta’ aċċess għal-impjieg stabbli għal kulħadd” jew l-manteniment ta’ dan għal kulħadd  (Benedittu XVI, Enċiklika Caritas in Veritate, n.32).”

Il-Papa jitkellem dwar xogħol “dinjituż”, minħabba li meta jkun hemm kriżi u l-bżonn  jagħfas, xi drabi jkun hemm tendenza li wieħed jiskarta d-drittijiet tal-bniedem.  Ġieli niġġustifikaw xogħol inuman, għas-skapitu tas-sigurta’ u r-rispett għall-mistrieħ, ċelebrazzjonijiet u l-familja.  F’sitwazzjonijiet bħal dawn, nistgħu niġu ttentati nwarrbu dawn ir-rekwiżiti essenzjali kif ukoll rispett dinjituż lejn il-ħolqien.  Pero x-xogħol ma jistax jiġi mifrud mil-preservazzjoni tal-ħolqien, biex b’ responsabbilta’ jkun mħares għall-ġenerazzjonijiet futuri.  “Il-Ħolqien mhux oġġett biex jiġi sfruttat, imma rigal li għandna nibżgħu għalih.”

F’dan ir-rigward, nagħrfu u nfaħħru l-inizjattivi meħuda mill-Gvern biex joffri għajnuna finanzjarja lil dawk li l-għixien tagħhom kien ipperikolat minħabba l-krizi kurrenti.  Infaħħru wkoll l-inizjattivi ta’ numru ta’ organizzazjonijiet volontarji li qed iqassmu ikliet b’xejn lil dawk l-individwi u familji fil-bżonn, kawża ta’din il-pandemija, kif ukoll sidien li qed inaqqsu l-kirjiet dovuti lilhom. Fl-istess ħin, nsejħu għal-azzjonijiet aktar komprensivi u proattivi mill-Gvern u l-partijiet l-oħra involuti. Dan ifisser li ma niffukkawx biss fuq għajnuna finazjarja għal dawk diġa’ milquta, imma wkoll billi jiġu esplorati inizjattivi fit-tul u aktar sostenibbli, f’każ li din il-kriżi ttul u aktar setturi isoffru diffikultajiet sinifikanti fil-kapaċita li jżommu l-ħaddiema. 

Il-Papa Franġisku ikkonkluda d-diskors tiegħu ġewwa Cagliari bit-tama li l-ħaddiema joħorġu mil-fażi negattiva b’attitudni ta’ għotja ħielsa u solidarjeta’, li jagħmlu possibli li jkun hemm xogħol sigur, dinjituż u stabbli għal kulħadd.  Illum, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, tagħmel tagħha dan il-messaġġ bit-tama li dan idawwal t-triq tal-fejqan fit-tislita biex noħorġu minn din il-pandemija.


[1] Diskors tal-Papa Franġisku lill-Ħaddiema f’Largo Carlo Felice, Cagliari, 22 ta’ Settembru 2013 http://w2.vatican.va/content/francesco/en/speeches/2013/september/documents/papa-francesco_20130922_lavoratori-cagliari.html

[2] Ara Ġwanni Pawlu II, Enċiklika Laborem Exercens, n.2