“Għandi l-għatx”.  Hekk lissen Ġesu’ minn fuq is-salib. “Kull min għandu l-għatx ħa jiġi għandi u jixrob” (Jn 7:37). Dan il-kliem ta’ Ġesu’ jixhed għall-fatt li l-ilma huwa element essenzjali sabiex il-bniedem jibqa’ jgħix u b’mod san.  Id-definizzjoni tal-ħajja nnifisha tiddependi fuq l-ilma.  L-astronomi jfittxu għall-sinjali ta’ l-ilma sabiex jevalwaw il-possibilta’ tal-ħajja fuq pjaneti oħra.  Aqua fons vitae (id-dokument ippublikat riċentament mil-Vatikan) jiddefinixxi tlett dimensjonijiet relatati ma’ l-ilma u kif dan jiġi immaniġjat: l-ilma għall-użu tal-bniedem, l-ilma għall-attivitajiet tal-bniedem u l-ilma bħala spazju.

L-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa għarfet li l-bniedem għandu dritt fundamentali li jkollu aċċess bla periklu għall-ilma tajjeb għax-xorb u biex iżomm iġene personali tajba.  Però, f’diversi żoni fqar insibu li l-aċċess għal ilma nadif u tajjeb għax-xorb hu mhedded min prezzijiet għolja imposti mis-suq.  Perjodi ta’ nixfa jwasslu sabiex ma jkunx hemm aċċess bla ħlas għal l-ilma ħelu.  Nuqqas ta’ faċilitajiet tas-sanita’ jesponu lin-nisa għal abbuż sesswali, filwaqt li jwaqqfu ħafna tfajliet milli jattendu l-iskola.  Ir-rilaxx ta’ sustanzi kimiċi fl-ilma minn attivitajiet industrijali u agrikoli iwasslu għal bijo-akkumulazzjoni ġol-ġisem tal-bniedem, u dan jista’ jwassal għal effetti irriversibbli fuq is-saħħa tal-bniedem. Dan isostni kemm huwa importanti li f’dawn il-pajjiżi ikun hemm investiment f’ infrastrutturi tal-ilma sostenibbli.    Ta’ min wieħed jinnota li kull dollaru li jiġi investit fl-ilma u sanita’ jissarraf fi gwadann ta’ madwar 12-il dolloru min spejjeż relatati mas-saħħa.  Huwa d-dmir ta’ kull wieħed u waħda minnha sabiex ma naħlux l-ilma, filwaqt li nikkonsmaw bil-moderazzjoni.  It-trattament ta’ l-ilma mormi huwa wkoll ta’ benefiċċju fl-implimentazzjoni ta’ ekonomija ċirkulari.  L-isforzi konġunti ta’ kulħadd, jistgħu jissarfu f’użu ekwu tar-riżorsi disponnibli.  Hekk il-fqir jingħata l-għajnuna neċessarja sabiex jibbenefika min żvilupp integrali.

L-ilma hu element essenzjali għal diversi attivitajiet li jagħmel il-bniedem, mhux biss fis-settur agrikolu u  tal-ikel bħal pereżempju t-tisqija, imma saħansitra f’industriji oħra bħal manifattura, konstruzzjoni u setturi oħra artiġġanali.  Hemm ir-riskju li n-nuqqas ta’ sostenibilita’ twassal biex diversi sorsi tal-ilma jiġu sfruttati, u dan għad-detriment ta’ dawk li huma vulnerabbli.  Eżempju ta’ dan hu s-salinizzazzjoni tal-ilma tal-pjan, li jwassal għal nuqqas ta’ ilma ħelu għal bdiewa fqar, jew inkella devjazzjonijiet eċċessivi ta’ xmajjar li jistgħu iwasslu f’tibdil fl-ekosistemi ta’ ċertu żoni, li jista’ jkollu implikazzjonijiet distruttivi fuq in-natura u fuq il-komunitajiet dipendenti minnhom.  Produtturi żgħar jistgħu ukoll ikunu fi żvantaġġ jekk industriji kbar li jipproduċu ammonti kbar ta’ tniġġis jonqsu milli jirrispettaw l-ambjent.  Għalhekk huwa essenzjali li jiġu imwettqa t-tibdiliet neċessarji biex jitrażżnu l-effetti tat-tniġġis, speċjalment fuq in-nies vulnerabbli, filwaqt li ninkoraġġixxu intrapriżi żgħar u lokali li min-natura tagħhom jirrispettaw l-ambjent.  Huwa ukoll importanti li naħdmu għal-paċi, għad-dialogu u għal-medjazzjoni f’dawk l-oqsma fejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem jinsabu f’riskju.

L-ilma hu wkoll spazju; l-ilma hu il-habitat ta’ diversi speċi marini, mezz ta’ transport għal-dgħajjes u mezzi oħra kummerċjali, kif ukoll iservi bħala sit li jilqa’ cables u neċċessitajiet oħra għat-trasferiment ta’ data u kommunikazzjoni.  Min dan l-aspett, l-ilma jirrapreżenta numru ta’ sfidi.  Huwa ferm iktar diffiċli sabiex wieħed janalizza l-istat tal-oċeani milli dak ta’ żoni terrestri.  L-ilmijiet huma mhedda min żieda fit-tniġġis , bħal pereżempju il-preżenza ta’ microplastics, drenaġġ, affluenti oħra industrijali, kif ukoll metodi ta’ sajd mhux sostenibbli. Iż-żieda fit-temperatura tad-dinja qed twassal biex is-silġ fl-Antartiku idub u dan iwassal biex il-livell ta’ l-ilma jogħla.  Dawn it-tibdiliet huma ta’ theddida għal ħajja ta’ l-ekosistemi marini.  Pajjiżi fqar mhumiex attrezzati biex jgħassu ċertu żoni marittimi u dan iwassal għal atti kriminali mhux ikkontrollati li għandhom konsegwenzi dettrimentali fuq il-ħaddiema li jaħdmu fuq il-baħar.  Viċin sew tagħna hemm il-pjaga tal-immigranti, li jużaw il-baħar bħala mezz biex jaħarbu min kundizzjonijiet prekarji, għat-tfittxija ta’ port sikur ħalli jkunu jistgħu jibdew ħajja ġdida.  Dan l-aspett tal-immaniġjar tal-ilma hu kumpless, filwaqt li mmaniġjar effettiv jirrikjedi approċċ interdixxiplinarju li jinkludi djalogu ma’ numru ta’ partijiet min oqsma varji.

Sal-lum il-ġurnata, Sidna Ġesu’ għadu jitlobna naqtagħawlu l-għatx; “Kelli l-għatx u tajtuni nixrob” (Mt 25:35). L-immaniġjar effettiv tal-ilma huwa fir-responsabilita’ tagħna lkoll, irrespettivament mill-pożizzjoni tagħna; missjoni afdata lilna l-bnedmin minn Alla sa mil-bidu taż-żminijiet.  Bħal San Franġisk, għandna nuru rispett lejn “oħtna l-ilma”, element sempliċi imma essenzjali għall-ħajja ta’ kull bniedem.  Ejja niddedikaw l-attenzjoni neċessarja fir-rigward tal-ilma meta nfasslu l-pjanijiet tagħna għal żvilupp sostennibli fl-aspetti kollha tal-ħajja, kemm mill-aspett personali, finanzjarju, teknoloġiku u anke dak xjentifiku.  Ejjew naħdmu flimkien ħalli nevitaw ħela żejda ta’ din ir-riżorsa prezzjuża, billi nibdew minn prattiċi bażiċi ġewwa d-djar tagħna.  Hu neċessarju li nħaddnu kunċett altruist fir-rigward tal-ilma biex b’ hekk nippromwovu dinjita’ umana integrali, kif ukoll żvilupp li jsostnina ilkoll.