“Kollox hu dwar ir-rabta tal-Evanġelju mal-ħajja” ippriedka Rutilio Grande SJ f’waħda mill-aħħar omeliji tiegħu, ftit xhur qabel ma ġie maqtul. “Il-fidi saret reali fl-azzjoni biss – il-fidi qatt ma kienet idea biss … l-Evanġelju huwa marbut mill-qrib ma’ ħajtek.” Dawn il-kliem ta’ raġel fit-triq għal-kannoniżazzjoni huma għalija, sejħa għall-azzjoni li tapplika l-ħin kollu. Inħoss li aħna msejħin biex ikollna “fidi li [hija] politika b’mod intensiv … ikkonċernata u involuta ħafna fit-tiswir tal-pajsaġġ soċjali, politiku u ekonomiku” (Prof Thomas Kelly). U tassew l-inġustizzji fis-soċjetà tagħna qatt ma huma nieqsa.
Sa ftit jiem ilu biss, kien hemm xejn inqas minn 425 persuna miżmuma fuq il-baħar. Nies li kienu moħbija mill-bqija tad-dinja, bil-ġuħ tad-drittijiet tagħhom, tħallew għatxana għad-dinjità tagħhom, bħalma kien Ġesù fuq is-salib. Il-ħall biex jaqta’ l-għatx tagħhom huma dgħajjes tal-pjaċir, mhux magħmulin biex fuqhom jgħixu mijiet ta’ nies għal ġranet bla tmiem, 39 ġurnata, fil-fatt għajtiet partiġġjani ma naqsux. Dawn il-kundizzjonijiet imwiergħa huma l-lanza li nifdet il-ġemb ta’ Kristu. Issa, hekk kif jitolbu d-dinjità u d-deċenza umana, huma tħallew jiżbarkaw.
“Il-messaġġ politiku tremend ta’ Kristu huwa li jġiegħel lin-Nisrani jitħabat biex ikun politikament konxju.” Għalija, l-organizzazzjoni ta’ dimostrazzjonijiet dwar ż-żamma ta’ dawn il-persuni fuq il-baħar kienet kif ħassejt li stajt nipprova infisser l-Evanġelju f’attiviżmu soċjali. Bħala żgħażagħ, ċittadini ta’ Malta tal-ġenerazzjoni ta’ għada, ma nistgħux nhedew li nkunu kwieti, u naċċettaw il-fatt li l-awtoritajiet jistgħu jilagħbu bil-ħajja tal-bniedem u d-dinjità tagħha, mingħajr ma ħadd ma jaqbeż għal dawk li l-vuċi tagħhom kienet is-silenzju. Il-prezz li nħallsu għan-nuqqas ta’ azzjoni tagħna huwa falliment morali, kollass istituzzjonali, korruzzjoni, u t-twarrib tal-qdusija tal-ħajja tal-bniedem.
L-iżbark tal-425 persuna miżmuma fuq id-dgħajjes huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Imma kull fejn inħarsu, hemm sinjali kbar li hemm aktar xi jsir. It-talba tiegħi għall-ħafna żgħażagħ li ħadu sehem, għalina lkoll, hi li din il-kwistjoni sservi ta’ xprun għal azzjoni akbar favur il-ġustizzja soċjali u l-attiviżmu.
“Il-kejl aħħari tal-bniedem mhix fejn huwa jkun f’mumenti ta’ kumdità u konvenjenza, imma fejn huwa jkun fi żminijiet ta’ sfida u kontroversja” qal Martin Luther King. J’Alla dejjem ikollna l-kuraġġ u s-saħħa biex inqumu meta l-kuxjenza tagħna titlobna nagħmlu dan, u li nieqfu għal dak li hu sewwa.
Xandru Cassar; Student ta’ 18-il sena, qed jistudja l-Ekonomija Agrikola fl-Università ta’ Edinburgh