Stħarriġ li sar juri li ż‑żgħażagħ għandhom iktar probabiltà li jinvolvu ruħhom fuq livell ta’ komunità milli fil‑politika. L‑interess tagħhom fil‑politika jonqos aktar ma jikbru fl‑età. Irriżulta wkoll li t‑tfajliet iħarsu lejn l‑impenn fil‑komunità b’mod pożittiv u jipparteċipaw f’inizjattivi u attivitajiet komunitarji aktar mill‑ġuvintur.Ir‑riċerka saret minn DISCERN, l‑istitut għar‑riċerka dwar is‑sinjali taż‑żminijiet, fost 498 żagħżugħ u żagħżugħa bejn is‑16 u l‑25 sena. Din hija parti minn proġett tal‑Malta Catholic Youth Network (MCYN) u l‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi sabiex jifhmu aħjar l‑attitudnijiet taż‑żgħażagħ fis‑soċjetà.
Ir‑riċerka, li saret fost 498 żagħżugħ u żagħżugħa bejn is‑16 u l‑25 sena, hija l-ewwel fażi minn proġett tad‑DISCERN – l‑istitut għar-riċerka dwar is-sinjali taż-żminijiet, il‑Malta Catholic Youth Network (MCYN) u l‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi li tfassal biex jintiehmu aħjar l-atitudnijiet taż-żgħażagħ fis-soċjeta’. Fid-dawl tal-pjan pastorali Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi flimkien mal-MCYN ħa jkomplu jisimgħu l-leħen taż-żgħażagħ u jesploraw modi ġodda ta’ kif jistgħu irawwmu fihom xewqa ta’ involviment akbar fil-qasam soċjo-politiku.
F’dan l‑istħarriġ iż‑żgħażagħ wieġbu dwar diversi suġġetti fosthom temi importanti għalihom, l‑irwol tagħhom fil‑komunità, il‑politika, il‑mużika, il‑fidi u l‑volontarjat. 81% tal‑parteċipanti identifikaw ruħhom bħala Kattoliċi, 16% qalu li ma jħaddnu l‑ebda reliġjon u 3% jħaddnu reliġjon oħra. 11% tal‑parteċipanti wieġbu li huma membri ta’ għaqdiet taż‑żgħażagħ jew għaqdiet reliġjużi.
L‑istħarriġ wera li s‑saħħa, l‑ambjent u x‑xogħol huma fost l‑iktar suġġetti li jinteressaw liż‑żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Is‑saħħa kienet l‑iktar kunsiderazzjoni importanti għaż‑żgħażagħ. Il‑pandemija tal‑COVID‑19 setgħet influwenzat din l‑għażla.
71% taż‑żgħażagħ qalu li l‑ambjent iqisuh bħala estremament importanti u 19% jqisuh importanti ħafna. Filwaqt li l‑kwistjonijiet ambjentali jinteressaw liż‑żgħażagħ kollha, dawk b’edukazzjoni terzjarja juru interess akbar. Temi oħra li jinteressaw liż‑żgħażagħ huma l‑ekonomija, it‑titjib fl‑istituzzjonijiet, il‑housing u l‑migrazzjoni.
L‑istħarriġ wera wkoll li 36% jqisul‑media soċjali bħala s‑sors ewlieni tagħhom għall‑ġrajjiet kurrenti. 22% qalu li jfittxu l‑aħbarijiet kemm mill‑media soċjali kif ukoll minn websites bħalma huma newsportals. 10% jirreferu direttament għall‑websites tal‑aħbarijiet.
Mistoqsija dwar l‑involviment politiku tagħhom, iż‑żgħażagħ qalu li jippreferu jkunu attivi billi jivvutaw u billi jiffirmaw petizzjoni online, milli jattendu xi laqgħa politika jew jesprimu l‑fehma tagħhom fuq il‑media soċjali. L‑istħarriġ wera wkoll li dawk iż‑żgħażagħ b’edukazzjoni terzjarja huma aktar inklinati li jinteressaw ruħhom fi kwistjonijiet politiċi.