Spiss nisimgħu lil min jgħid li l-Knisja għandha tbigħ il-ġid kollu tagħha u tuża dawk il-flus biex titma’ lill-foqra u tagħmel xi ħaġa għall-ġid tas-soċjetà.

Fil-fatt, din il-ġimgħa qamet kontroversja wara li l-Knisja ddeċidiet tiddisponi minn biċċa art li kienet propjetà tagħha għal diversi snin. Minkejja li din l-art kienet qed tagħti l-impressjoni ta’ Knisja sinjura, ma kienet qed taqdi ebda skop soċjali partikolari. Jew hekk kien jidher. Għax malli inbiegħet il-propjetà u s-sid il-ġdid ried jagħmel profitt mill-investiment tiegħu, kienu ħafna li f’daqqa waħda esprimew li l-Knisja missha żammet l-art anke jekk kienet mitluqa. Dawn in-nies argumentaw li minkejja l-istat ta’ din il-biċċa art, xorta waħda kellha funzjoni soċjali, dik li taġixxi bħala spazju miftuħ.

M’għandniex xi ngħidu, dan l-episodju jikxef kemm huma kumplessi sitwazzjonijiet bħal dawn. Minn banda, Knisja li hija fqira u taħdem għall-foqra tgħix l-Evanġelju b’mod aktar radikali. Biss, mill-banda l-oħra, nafu li l-mezzi materjali ħafna drabi jipprovdulna l-għodda meħtieġa fil-missjoni tal-evanġelizzazzjoni. Din kienet fil-fatt l-opinjoni ta’ dawk kollha li ġew qabilna u li ddeċidew li, b’ġenerożità kbira, jagħtu donazzjonijiet lill-Knisja biex b’hekk għamluha possibbli li tkompli xxandar l-Aħbar it-Tajba permezz ta’ atti konkreti ta’ karità.

Dan kollu jitħalla f’idejn amministraturi li huma bnedmin bħalna. U dan ifisser li mhumiex infallibbli. Aktar minn kull ħaġ’oħra, għandna nirrikonoxxu li għalkemm nixtiequ li l-affarijiet ikunu sempliċi u ċari daqs il-kristall, ir-realtà hi li, speċjalment fejn jidħlu l-flus, l-affarijiet huma inevitabbilment kumplessi. M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li l-Knisja m’għandhiex teżerċita kawtela estrema u dixxerniment rigoruż meta tiġi biex tamministra l-patrimonju li tħalla f’idejha u anke fuq liema rigali u donazzjonijiet għandha tirċievi jew tirrifjuta. Sfortunatament, xi nies jużaw dawn l-episodji biex idgħajfu l-Knisja u jeħduha kontra l-messaġġiera tagħha, kif ġara f’dan il-każ bl-akkuża ta’ ipokrezija diretta lejn l-Arċisqof għal dak li qal waqt l-omelija tiegħu f’Jum l-Indipendenza. Iżda fl-aħħar mill-aħħar, il-mistoqsija li għandha dejjem tiggwida lill-Knisja hi jekk deċiżjoni partikolari hijiex se tfixkel jew tgħin l-missjoni tagħha li tiġbed in-nies lejn Kristu bil-ferħ tal-Aħbar it-Tajba.

Dawn id-deċiżjonijiet kontroversjali, li f’għajnejn xi nies huma meqjusa bħala żbalji, jikkonfermaw biss dak li diġà konna nafu: il-Knisja hija parti integrali mis-soċjetà, u kull marda li tolqot is-soċjetà taffettwa wkoll lill-Knisja. Hemm ir-regħba u l-ikrah fil-Knisja, daqskemm hemm fis-soċjetà kollha. Għalhekk tajjeb li qabel niġġudikaw lil ħaddieħor, inħarsu lejn l-Eżerċizzji Spiritwali ta’ Sant’Injazju li jfakkruna biex nagħtu lil ħutna l-benefiċċju tad-dubju u ma naqbżux għal konklużjonijiet – speċjalment dawk li jiffukaw fuq in-negattiv. Ċertament mhix kwistjoni li ninsew it-twemmin u l-valuri tagħna sabiex inżommu l-paċi u b’hekk nevitaw il-kunflitt. Jekk ma naqblux ma’ deċiżjoni, għandna nitkellmu – imma nagħmlu dan “b’ġentilezza”. Fis-soċjetà tagħna, fejn tant hawn rabja, din il-ġentilezza, hi sfortunatament nieqsa ħafna.

Qed insiru soċjetà rrabjata, li kull min mhux ‘pur’, isir ipokrita, jew faċċol. Madanakollu, jekk inħarsu lejna infusna, nindunaw li fina lkoll hemm baħar jaqsam bejn it-twemmin profond tagħna u l-imġiba tagħna. Għandu dan jiskoraġġina milli ngħidu dak li nemmnu li hu veru? Bla dubju ta’ xejn, it-tweġiba tiegħi hija le. La għandna nkunu distratti u lanqas naqtgħu qalbna min-nuqqas ta’ koerenza tagħna stess jew ta’ nies oħra. Għall-kuntrarju, għandna nistinkaw biex inkunu aktar konxji ta’ din id-dimensjoni f’ħajjitna jekk irridu nkunu kapaċi nħarsu lil hinn mill-inkonsistenzi fl-oħrajn. Huwa biss meta nagħmlu dan, li nsiru kapaċi naħdmu flimkien biex intejbu s-soċjetà tagħna.

Daniel Darmanin