Il-knisja spiss ġiet ikkritikata li ma kinitx aġġornata biżżejjed fejn tidħol l-ekoloġija u l-ħarsien tal-pjaneta tagħna. Mill-banda l-oħra, spiss jintqal li l-ambjentalisti jiffokaw wisq fuq kwistjonijiet materjali, u ma jagħtux kas l-importanza tal-ħwejjeġ li jibqgħu, tal-ħwejjeġ eterni.
Biss, dan kollu qed jinbidel, speċjalment fid-dawl tal-enċiklika Laudato Si tal-Papa Franġisku. Li nieħdu ħsieb dan ir-rigal kbir, jiġifieri d-dar komuni tagħna, mhux biss huwa d-dmir ta’ kull Kattoliku, iżda qed issir kwistjoni dejjem aktar urġenti aħna u nirrealizzaw bl-effetti devastanti tal-attivitajiet antropoġeniċi tagħna.
F’Novembru li għadda, fl-istess żmien tal-COP26, l-Alleanza Ewropea Laudato Si (ELSiA) organizzat il-workshop internazzjonali bl-isem ta’ ‘Spiritalità u Ekoloġija wara Laudato Si” biex tirrifletti fuq l-enċiklika tal-Papa u ssarrafha f’miżuri konkreti. Bir-raħal pittoresk ta’ Taize’ bħala sfond, kellna l-opportunità li nieqfu ftit u niffukaw fuq id-dinja li qed tbati u fuq l-irwol tagħna biex ngħinuha tfiq.
Ħarisna lejn it-tbassir allarmanti ppubblikat riċentement mill-IPCC, li jindika li t-tibdil fil-klima qed iseħħ b’mod aktar rapidu u drastiku milli mistenni. Matul is-snin li ġejjin għandna nistennew aktar distruzzjoni tal-pajsaġġ u l-bijodiversità, avvenimenti estremi tat-temp bħal sħana kbira u għargħar, kif ukoll reġjuni li ħa jispiċċaw ma jistgħux jilqgħu l-ħajja aktar minħabba żidiet fil-livell tal-baħar u/jew temperaturi estremi. In-nies se jitilfu l-art, id-dar u l-intrapriżi tagħhom u dan se jwassal għal migrazzjoni tal-massa bil-pressjonijiet politiċi li din iġġib magħha.
Il-vulnerabbli u l-foqra se jkunu dawk li se jġorru l-akbar piż, peress li m’għandhomx mezzi biex jimmitigaw l-ħsara u jipposponu l-agħar effetti tal-bidla fil-klima. Irridu nirrealizzaw li meta nħarsu lejn l-emerġenzi ekoloġiċi għandna bżonn “nisimgħu kemm l-għajta tal-art kif ukoll l-għajta tal-foqra” (LS 49). Madankollu, it-tibdil fil-klima ma jiddiskriminax bejn min għandu l-flus u min m’għandux. Fl-aħħar mill-aħħar kulħadd se jintlaqat.
Kif nistgħu naraw mill-movimenti globali favur l-ambjent, wieħed m’għandux għalfejn ikun Kattoliku jew spiritwali biex iħossu inklinat li jagħmel xi ħaġa. Fil-verità huwa stint primordjali li nippreservaw lilna nfusna. Allura, x’irwol għandhom il-fidi u l-ispiritwalità f’dan kollu?
Il-fatti u ċ-ċifri li għandna f’idejna huma tal-biża’. Meta wieħed iwieżen dan kollu u jikkunsidra li l-isforzi internazzjonali jidhru mexjin bil-mod wisq, jew agħar minn hekk, totalment nieqsa minn kull ambizzjoni, jista’ faċilment iħossu bla saħħa u jaqta’ qalbu. Madankollu, bħala Kattoliċi aħna msejħin biex b’umiltà kbira quddiem id-dgħufija tagħna, inpoġġu t-tama tagħna f’xi ħaġa akbar, li tmur lil hinn mis-suċċess. Martin Buber jgħid, “Is-suċċess mhuwiex isem Alla“. Fl-aħħar mill-aħħar, il-fidi tagħtina tama li l-azzjonijiet tagħna jmorru lil hinn mir-riżultat li jidher.
L-ispiritwalità tipprovdilna wkoll soluzzjonijiet radikali u alternattivi għal dawn il-problemi globali. Il-komunità tan-negozju u s-soċjetà inġenerali qed iħossu l-ħtieġa għal soluzzjonijiet. Madankollu, qed naraw ta’ spiss l-istess mudell tan-negozju l-antik immexxi mill-profitt, mogħti libsa differenti, aktar imħaddra. Tabilħaqq, huwa l-istess mudell ta’ negozju li ġabna fis-sitwazzjoni tal-lum, imdawrin bl-isfruttament u abbuż tar-riżorsi, tad-dinja u ta’ dawk bla vuċi. Fl-2021, għadna qed nippruvaw nikkonvinċu lin-negozji tagħna biex iħaddmu l-operazzjonijiet tagħhom billi nħeġġuhom bi ‘spejjeż imnaqqsa’, ‘marġini ta’ profitt akbar’, ‘kompetittività akbar’ u ‘rendimenti għal kull sehem’ akbar. Inkomplu nirrepetu l-istess narrattiva, biss issa qed nużaw ittri kbar ħodor.
Imma x’nagħmlu jekk il-ħarsien tal-pjaneta tagħna jinvolvi spejjeż finanzjarji fit-tul? X’jiġri jekk dan ifisser produzzjoni inqas u mhux sempliċiment differenti? X’jiġri jekk ikollna bżonn nikkunsmaw inqas u mhux biss nikkunsmaw prodotti aktar ekoloġiċi? Id-dinja tkun xorta daqshekk voċiferi dwar bidla bħal din?
Nibqa’ skantata kif, minkejja l-istudji xjentifiċi kollha u l-effetti li diġà qed nesperjenzaw, xorta waħda nfittxu l-profitt biex nagħmlu dak li hu tajjeb. Anke jekk nafu li jekk nippersistu bil-mudelli tan-negozju tal-lum, lanqas se jkollna dinja fejn jistgħu jitgawdew dawn il-profitti.
L-ispiritwalità tagħna, kif espressa permezz ta’ Laudato Si, tipproponi tip differenti ta’ tweġiba. Waħda li tirrikjedi konverżjoni profonda mis-soċjetà konsumista li aħna mdaħħlin fiha u li tħeġġeġ stil ta’ ħajja aktar sempliċi. Dan jista’ jidher li huwa xi ħaġa ta’ barra minn hawn, speċjalment f’dinja fejn is-suċċess tagħna huwa mkejjel skont id-dħul, il-profitti u kemm aħna kapaċi nikkunsmaw. Iżda żminijiet ta’ kriżi jitolbu soluzzjonijiet radikali, u rridu nirrikonoxxu li l-ħarsien tal-pjaneta tagħna se jirrikjedi bidla li għall-ewwel ħa tkun skomda.
Il-Papa Franġisku jistedinna niskopru mill-ġdid is-sbuħija tas-sempliċità. Tal-affarijiet żgħar fil-ħajja, li jistgħu jidhru insinifikanti fid-dinja komodifikata li ngħixu fiha iżda li fiha tinsab il-hena vera. “Din is-sobrjetà, jekk ngħixuha b’libertà u b’mod konxju, tista’ teħlisna. Mhix ħajja inqas jew mgħixa b’inqas intensità. Anzi, huwa mod kif ngħixu l-ħajja b’mod aktar komplet.” (LS223).
Irridu ninsew dak li nafu dwar il-kuntentizza u nerġgħu nitgħallmu li l-ferħ veru huwa bbażat fuq li naqsmu minn dak li għandna aktar milli kemm għandna. Naqsmu ikla sempliċi ma’ nies li ma nafux, konverżazzjoni profonda u bis-sens mal-maħbubin, il-ħin tagħna ma’ nies li huma waħedhom. Meta nerġgħu niskopru din l-imħabba għas-sempliċità, inkunu nistgħu nimxu ‘l bogħod mill-konsum u nibdew vjaġġ ta’ fejqan għad-dar komuni tagħna.
Maria Giulia Pace