Ħallewh nofsu mejjet: Fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, il-ħallelin li sawtu lir-raġel u ħallewh nofs mejjet jibqgħu anonimi, bla isem. Il-persuna li allegatament tefgħet lil Lamin, bħallikieku kienet borża taż-żibel, mal-ġenb tat-triq fi Triq Selmun, il-Mellieħa, diġà ġiet identifikata u se tiffaċċja l-ġustizzja.

——————–

Ir-rota tal-inġustizzja: Dietrich Bonhoeffer, it-teologu Ġermaniż li b’kuraġġ kbir qam kontra l-oppressjoni Nazzista, darba qal li “m’għandniex sempliċiment ninfaxxaw il-feriti ta’ dawk li jispiċċaw vittmi taħt ir-roti tal-inġustizzja, iżda rridu ndaħħlu bastun fir-rota stess”. Nhar it-Tlieta li għadda, tista’ tgħid li l-policymakers kollha, flimkien mal-politiċi ingħaqdu b’vuċi waħda biex jikkundannaw dan l-att tant viljakk u biex jesprimu solidarjetà mal-vittma. Sfortunatament, lanqas kelma waħda ma ntqalet dwar il-policies li jimbuttaw lin-nies f’xifer ta’ disprament. Biex insemmu eżempju wieħed biss: F’Mejju, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi emenda l-approċċ li kellha Malta fil-konfront ta’ nies li qed ifittxu l-ażil f’Malta, jew li fittxew l-ażil hawn u kellhom l-applikazzjoni tagħhom miċħuda, fuq jekk dawn jistgħux jaħdmu jew le. Qabel ma jitħallew jaħdmu, dawk li jfittxu l-ażil minn pajjiż meqjus sikur, bħal Ghana, il-pajjiż li fih twieled Lamin, jesperjenzaw sensja sfurzata li tista’ ttul sa disa’ xhur. Jekk l-applikazzjoni għall-ażil ta’ persuni minn dawn il-pajjiżi tiġi rrifjutata, ikunu jistgħu jaħdmu f’Malta f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss. Din id-dikjarazzjoni li nħarġet mill-Kunsill Malti għar-Refuġjati dak iż-żmien, illum tinstema’ traġikament profetika: “Dawn ir-refuġjati huma diġà vulnerabbli għall-isfruttament fuq il-post tax-xogħol, inkluż fejn jidħlu pagi li huma ferm inqas mill-paga minima, u issa, dawk minnhom li jfittxu l-ażil u dawk li t-talba tal-ażil tagħhom ġiet miċħuda, se jiġu mbuttati dejjem aktar lejn ix-xifer għax biex ikampaw, inevitabbilment ħa jkollhom jaċċettaw kwalunkwe opportunità biex jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tagħhom bħal saqaf fuq rashom, l-ikel u l-ilma, il-ħwejjeġ, servizzi oħrajn u t-trasport.”[1]


——————–

Ejjew ma nidħkux bina nfusna: Dan ir-raġel mill-Ghana ma kienx l-ewwel u sfortunatament, mhux se jkun l-aħħar persuna li jgħaddi minn din is-sitwazzjoni. L-isfruttament mhuwiex eċċezzjoni f’ “mudell ekonomiku bbażat fuq il-profitt li ma joqgħodx lura milli jisfrutta, jarmi u anke joqtol il-bnedmin” [2]. Din hija karatteristika komuni.

——————–

Bogħod mill-għajn, bogħod mill-qalb: B’xorti tajba, il-maġġorparti kbira tan-nies iħossu li hija ħaġa inaċċettabbli li jintefa’ ħaddiem imweġġa’ mal-ġenb tat-triq. Barra minn hekk, ftit huma dawk li ma tiġihomx ħniena jekk jiltaqgħu ma’ xi ħadd fit-triq li għandu bżonn l-għajnuna. Biss, bħala pajjiż, jidher li aħna ‘ok’ bil-fatt li f’diversi okkażjonijiet, immigranti tħallew bejn sema u ilma għal diversi jiem fiż-Żona Maltija ta’ Tiftix u Salvataġġ, waqt li l-awtoritajiet tagħna ma jipprovdux biżżejjed informazzjoni dwar kif jew meta u skont liema kriterji jitwettqu l-missjonijiet ta’ salvataġġ. Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, mill-inqas 1,146 persuna mietu fil-baħar Mediterran huma u jippruvaw jilħqu l-Ewropa fl-ewwel sitt xhur tal-2021.

——————–

Ninsew kollox malajr wisq: Aktar minn sitt snin ilu, id-dinja kienet ixxukkjata bir-ritratt ta’ Alan Kurdi ta’ 3 snin, mimdud wiċċu ‘l isfel bla ħajja, fuq bajja fit-Turkija. Ftit minuti wara li beda l-vjaġġ lejn il-Greċja, id-dingi li kien qed iġorr din il-familja Sirjana nqaleb. Alan, ħuh il-kbir Ghalib u ommu Rihanna kollha għerqu. Sfortunatament, wara ix-xokk inizjali, id-dinja malajr insiet kollox u mxiet għal affarijiet oħra. Fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, il-maġġoranza jibqgħu mexjin. Wara kollox, aħna lkoll għandna ħafna x’nagħmlu u l-aħbarijiet tal-bieraħ ninsewhom malajr. Iżda persuna minnhom tieqaf. Bl-istess mod, għandna bżonn nieqfu u nirrifjutaw li nħarsu lejn in-naħa l-oħra tat-triq u nħaffu ‘l hemm. Meta nieqfu jkollna l-ħin biex ninżlu ‘l isfel u nieħdu ħsieb il-feriti tal-vittmi kollha tal-inġustizzja. U meta nieqfu, ikollna wkoll il-ħin biex nirriflettu dwar jekk verament irridux inkomplu nħaddnu kultura tal-iskart, li fiha xi nies jispiċċaw jiġu ttrattati bħall-skjavi li jintremew.

Kummissjoni Ġustizzja u Paċi

Kummissjoni Migranti

Servizz tal-Ġiżwiti mar-Refuġjati


[1] https://maltarefugeecouncil.org.mt/A-new-policy-to-drive-people-into-poverty-and-marginalisation

[2] Pope Francis, Fratelli Tutti, 22.