Il-Konferenza tal-Kummissjonijiet tal-Ġustizzja u Paċi Ewropej (Justice & Peace Europe) organizzat il-Workshop Internazzjonali u l-Assemblea Ġenerali annwali tagħha bejn l-10 u t-12 ta’ Ottubru b’mod online. Ħamsin parteċipant minn aktar minn għoxrin pajjiż u minn kummissjonijiet differenti kienu involuti. Il-Kummissjoni Maltija kienet irrappreżentata minn Daniel Darmanin li huwa wkoll membru fil-kumitat eżekuttiv ta’ JP Europe. Fr. Carlo Calleja ħa sehem ukoll fil-workshop internazzjonali. It-tema tal-Workshop Internazzjonali ta’ din is-sena kienet ir-Reliġjon u s-Soċjetà fi żminijiet ta’ Covid-19.

Il-workshop internazzjonali ħa l-forma ta’ serje ta’ webinars. Fl-ewwel webinar, Herman van Rompuy, ex-President tal-Kunsill Ewropew, Paulo Rangel u Damian Boeselager, żewġ membri tal-Parlament Ewropew, offrew il-Perspettivi tagħhom fuq il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa fi żmien ta’ Covid-19.

Matul it-tieni webinar li kien immexxi minn Daniel Darmanin, Alexander Filipovic u Youssef Kamal El Hage, ġew diskussi l-isfidi għad-djalogu fir-reliġjon u s-soċjetà.

Il-webinar finali tal-Workshop Internazzjonali seħħ nhar il-Ħadd 11 ta’ Ottubru bit-taħdita tal-2020 Ġustizzja u Paċi Ewropa, li din is-sena, ġiet mogħtija minn Flaminia Giovanelli, l-ex sotto-segretarju tad-Dikasterju għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Uman Integrali. Hija ħadet mill-esperjenza tagħha ta’ aktar minn erba’ deċennji ta’ servizz għall-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi biex tenfasizza l-konnessjoni inseparabbli bejn il-ġustizzja u l-paċi. Il-pandemija COVID-19 uriet li s-saħħa, speċjalment fir-rigward ta’ mard infettiv, hija ġid komuni globali. Jekk ma tagħtihiex l-importanza li ħaqqha, tista’ mhux biss twassal għal bosta inġustizzji iżda wkoll kapaċi tipperikola l-paċi fid-dinja.

Fil-ġurnata tat-Tnejn, matul l-assemblea ġenerali tagħhom u fid-dawl tad-diskussjonijiet tal-Workshop Internazzjonali, id-delegati tal-Ġustizzja u Paċi Ewropa ddiskutew ix-xogħol varjat tal-kummissjonijiet u għażlu “Il-Futur tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea – sejħa għad-djalogu bħala ċavetta għal transizzjoni ġusta” bħala t-tema għall-Azzjoni Komuni Miftiehma Ewropa 2021 tal-Ġustizzja u l-Paċi.