André P. DeBattista
Wieħed minn l-iktar diskorsi impressjonanti tal-Papa Ġwanni Pawlu II, kien f’Agrigento fi Sqallija meta fid-9 ta’ Mejju tal-1993 ikkundanna b’mod kategoriku l-mafja u kull assoċjazzjoni relatata mal-mafja. Huwa ddeskriva l-poplu Sqalli bħala poplu li jħobb u li jgħożż il-ħajja u li, allura, ma jistax jgħix fid-dell ta’ organizzazzjoni li tippromwovi l-kultura tal-mewt. Wara dar fuq dawk risponsabbli u sejjaħ għall-indiema: “xi darba għad jasal il-ġudizzju t’Alla.” Fil-25 anniversarju ta’ dan id-diskors, il-Papa Franġisku sejjaħ dan il-ġest bħala wieħed profetiku. Papa Benedittu XVI mexa fuq il-passi ta’ Ġwanni Pawlu II u fi żjara fil-Kalabrija – l-qalba tal-‘Ndrangheta – akkuża lil din l-organizzazzjoni kriminali li qed toħnoq it-tessut tas-soċjetà.
Irridu naraw dawn id-dikjarazzjonijiet fid-dawl ta’ ħidma iktar wiesa minn lajċi u saċerdoti kontra l-mafja. Per eżempju, Don Pino Puglisi, illum Beatu, kien strumentali biex jgħin lil Knisja tifhem din il-problema. Meta l-Arċisqof ta’ Palermo, il-Kardinal Ernesto Ruffini wera ftit indifferenza lejn il-problema tal-Mafia, Puglisi ma beżax jagħmel il-kritika meħtieġa. Apparti dan, huwa ħadem biex joffri spazju sigur għaż-żgħażagħ li nkella kienu jiġu reklutati mill-mafja. Puglisi nqatel f’Settembru tal-1993. Il-Papa Benedittu XVI irrikonoxxa li nqatel in odium fidei. Huwa ġie bbeatifikat fil-25 ta’ Mejju tal-2013.
Rosario Livatino huwa martri ieħor tal-mafja li għadu kemm ġie ibbeatifikat. Livatino kien lajk; Imħallef ta’ 37 sena fil-Qorti ta’ Agrigento. Kien jivjaġġa lejn Agrigento mingħajr skorta u kien hemm li l-mafja qatlitu f’Settembru tal-1990. Livatino kien magħruf għal ħidma tiegħu kontra l-korruzzjoni u kien irnexxilu jissekwestra sommom kbar ta’ flus u assi oħra ta’ propjetà li kienu f’idejn persuni ta’ kariga għolja fi ħdan il-mafja. L-ordni tal-qtil tiegħu kienet ħarġet wara li Livatino rrifjuta li joqod għall-ordni tal-mafja biex ma jkomplix jinvestighom.
Waqt il-ġuri fuq il-qtil tiegħu, ħarġu xi affarijiet li jagħmluha iktar ċara il-għala għandu jissejaħ – u il-għaliex hu – martri. Il-mafja kienet ta’ spiss tiddieħaq bih u bil-fidi tiegħu. Kienu jirreferu għalih bħala bigotta minħabba li kien jisma l-quddies ta’ spiss u kien koerenti mal-fidi tiegħu. Waqt l-investigazzjoni, l-prosekuzzjoni ndunat ukoll li Livatino kien jikteb l-ittri “s.t.d.” fid-djarji tiegħu kollha. Huwa mifhum li din kienet tfisser ‘sub tutela Dei’ – taħt il-protezzjoni t’Alla. Din l-iskrizzjoni tat l-isem għal docu-drama Sqalli li jirrakonta l-ħajja ta’ Livatino.
Żewġ papiet partikolari kellhom ammirazzjoni lejn Livatino. Wara l-assassinju tiegħu, f’dik il-famuża żjara tal-1993, l-Papa Ġwanni Pawlu II, iddeskriva lil Livatino bħala “martri tal-ġustizzja u, indirettament, martri tal-fidi.” L-istess kliem ġie kkwotat minn Papa Franġisku. Huwa ddeskriva lil Livatino bħala eżempju konkret għal min irid jagħmel ix-xogħol kumpless ta’ maġistrat: “Meta Rosario nqatel, kważi ħadd ma’ kien jaf min hu. Kien jaħdem f’qorti tal-provinċja: kien jieħu ħsieb is-sekwestru ta’ propjetà b’oriġini illegali li nkisbet mill-mafia. Għamel dan mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd.” Il-Papa jiċċita wkoll riflessjoni ta’ Livatino fuq kif wieħed għandu jgħażel: “l-għażla hija l-iktar ħaġa diffiċli li bniedem jista jiġi msejjaħ jagħmel. Huwa għalhekk li d-deċiżjoni fuq l-għażla, għal maġistrat li jemmen, hija parti mir-relazzjoni ma’ Alla. Relazzjoni diretta, għax il-ħidma għal ġustizzja hija forma ta’ talba u dedikazzjoni personali lil Alla. Relazzjoni indiretta, frott l-imħabba li wieħed juri lejn il-persuna li tkun qed tiġi ġġudikata.” Il-parir ta’ Livatino kien li l-maġistrat dejjem jgħaraf li hu dgħajjef biex b’hekk jidher quddiem is-soċjetà dejjem lest li jifhem lil min għandu quddiemu u li jiġġudikaħ “mhux bħala superman, imma b’mod ta’ ndiema kostruttiva.”
Livatino kien jemmen li l-ġustizzja hija neċċessarja iżda, waħeda mhix biżżejjed. Kien jemmen li, qabel kollox, hemm il-liġi tal-imħabba li tixpruna lil bniedem biex jitratta lill ħadd ieħor b’mod karitattevoli. It-tieni, wieħed irid jgħaraf ukoll ir-realtà tad-dnub – il-fatt li lkoll niżbaljaw – u għalhekk ma nistgħu qatt niġġudikaw biss skond il-kejl tagħna. Kien jippratika dan fil-professjoni tiegħu. Qabel kull inkjesta, kien jara li jieħu b’idejn kulħadd – inkluż l-akkużat. Dan kien sinjal ta’ kortesija, rispett imma, fuq kollox, rettitudni. Kien ukoll iċanfar lil min ma jużax l-istess kortesija lejn ħadd ieħor. Per eżempju, kien hemm puluzija li qala ċanfira għax, wara li nqatel kriminal, l-istess puluzija qal xi ħaġa kontriħ waqt li l-ġisem tiegħu kien għadu fil-kamra: “quddiem il-mewt, dawk li jemmnu jitolbu; dawk li ma jemmnux jibqgħu siekta.”
Il-ħajja ta’ Livatino hija wkoll xempju tar-rabta li hemm bejn il-fidi u l-ġustizzja. Il-ġustizzja hija neċessarja, imma mingħajr l-element uman taf tieħu dimensjoni oħra (il-ġustizzja, wara kollox, mhix vendetta). Il-fidi tgħin lil bniedem jifhem li l-ġustizzja qatt ma hi perfetta u infallibli; apparti li l-ġudizzju mhux tal-bniedem. Din hija xi ħaġa li Livatino fehem, mingħajr ma’ qad lura milli jagħmel dmiru. Li l-Knsija tipproponih bħala mudell tal-qdusija huwa wkoll sinjal ċar li kull persuna, f’kull qasam hija msejjħa għal virtuwijiet erojiċi. Livatino ħallas l-iktar prezz għoli għal dawn il-virtuwijiet.
André P. DeBattista huwa kittieb politiku u akademiku fil-qasam tax-xjenza politika, relazzjonijiet internazzjonali, reliġjon u ħajja pubblika.
Dan l-artiklu ġie ppubblikat oriġinarjament fuq Il-Leħen fit-28 ta’ Frar 2021.