Fir-riflessjoni tiegħu dwar il-qari tal-evanġelju tal-Ħadd li għadda, il-Papa Franġisku waqaf fuq il-mument meta fi nżul ix-xemx, id-dixxipli, stiednu lil Ġesù biex jibgħat lill-folla ‘l hemm sabiex ikunu jistgħu jmorru jsibu xi ħaġa x’jieklu. Imma Huwa weġibhom: “Agħtuhom intom x’jieklu”. Id-dixxipli ovvjament ma setgħux jimmaġinaw kif setgħu jitimgħu dik il-folla enormi.

Billi jiffoka inqas fuq il-miraklu, u aktar fuq l-attitudni li Ġesù jirrikjedi mid-dixxipli tiegħu, il-Papa jispjega li dan kien il-mod ta ’Ġesù kif jeduka lilhom u lilna fil-loġika ta’ Alla. “Il-loġika ta’ responsabilità għal ħaddieħor. Il-loġika li wieħed ma jaħsilx idejh, il-loġika li wieħed ma jħarisx in-naħa l-oħra. ” Fil-waqt li jżid li “ħallihom jaħsbu għal rashom” m’għandhiex tkun fil-vokabularju Nisrani.’

Dawn il-kliem ġiegħluni nirrifletti fuq sitwazzjoni li aħna l-Maltin nesperjenzaw regolarment, speċjalment matul ix-xhur tas-sajf meta l-amont ta’ migranti jaqsmu l-Mediterran jiżdiedu. L-aktar mod faċli u prattiku għalina jkun li nikkunsidraw din il-problema bħala mhux tagħna. Dawn in-nies għamlu vjaġġ frott l-għażla tagħhom stess u aħna poplu żgħir fuq gżira iffullata m’għandna xejn x’noffru. Nistgħu biss nitolbu għalihom lil-Mulej biex jiggwidahom fil-post fejn jistgħu jkunu siguri. Wasalna anke biex nikkonkludu li jekk noffrulhom kenn dan jista’ jkun ta’ periklu għalina lkoll.

U madankollu Ġesù jdur lura lejna u jgħidilna “Agħtuhom intom x’jieklu”. Fuq livell prattiku, dan jidher bħala kompitu impossibbli. Madankollu Ġesù jurina li meta nagħmlu l-parti żgħira tagħna, tkun kemm tkun żgħira, il-providenza divina tagħmel il-bqija.

Bħala nsara, għandna fidi qawwija biżżejjed biex nemmnu li billi nabbandunaw il-ftit ħobżiet tagħna, li madankollu huma l-unika sostenn tagħna, se nkunu nistgħu mhux biss ngħinu lilna nfusna, iżda wkoll lill-oħrajn? Nistqarr li jien stess insibha diffiċli xi drabi, imma l-Evanġelju jisfidana kuljum biex nikkonfermaw l-fidi tagħna mhux bil-kliem biss imma fl-azzjonijiet.

Daniel Darmanin