Smajnieha tintqal kemm-il darba li l-enċiklika tal-Papa Franġisku Laudato Si’, fuq il-ħarsien tad-dar komuni tagħna, iwassal messaġġ profetiku. Dan ifisser li jwassal messaġġ li jqanqal diskussjoni, jisfida mod ta’ ħsieb u jwassal lil individwu u lis-soċjetà in ġenerali biex jagħrblu l-kuxjenza tagħhom.

Waħda mill-punti kontroversjali li qajmet l-enċiklika hi fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni, li l-Papa jindirizza f’paragrafu 50. Il-Papa l-ewwel jikkritika t-tendenza fis-soċjetà li meta affaċċjati bis-sitwazzjoni ta’ faqar, minflok ma din tkun indirizzata billi “jaħsbu f’dinja differenti,” l-unika proposta li tkun offruta hi ta’ tnaqqis fir-rata tat-twelid.

Kif jgħid sew il-Papa, diversi pajjiżi li qed jiżviluppaw sikwit huma fil-mira ta’ “pressjonijiet internazzjonali” fejn l-għajnuna ekonomika li tingħatalhom issir fuq il-bażi ta’ dik li jsejħilha “politika partikulari ta’ ‘saħħa riproduttiva’.”

Huwa f’dan is-sens li nistgħu napprezzaw l-aċċenn profetiku tal-enċiklika għax miflok ma jipproponi soluzzjonijiet ħfief, juri l-gravità tas-sitwazzjoni u l-paradoss ta’ kif is-soċjetà kontemporanja tindirizzahom.

Minn naħa l-fenomenu tat-tkabbir tal-popolazzjoni hi realtà li ma nistgħux niċħdu. Dan flimkien mal-iżvilupp ta’ pajjizi hekk msejjħa tat-tielet dinja qed iwassal għal aktar tniġġis tal-arja etc. Skont in-Nazzjonijiet Uniti, fit-30 sena li ġejjin, jekk jibqgħu l-istess xejriet, il-popolazzjoni dinjija hi mistennija tikber b’żewġ biljuni oħra, jiġifieri total ta’ 9.7 biljun fl-2050, b’żieda fil-pressjoni fuq ir-rizorsi tad-dinja.

Minn naħa l-oħra, ir-rata tat-twelid qiegħda tonqos b’mod sinifikanti, l-aktar fil-pajjiżi hekk imsejħa żviluppati għandhom rati baxxi ħafna ta’ twelid. Malta għandha fil-fatt l-aktar rata tat-twelid baxxa fost il-pajjiżi kollha tal-Ewropa. Ma nistgħux ma nsemmux l-impatt ta’ diversi pajjiżi, speċjalment fil-Punent, fejn għalkemm ir-rata tat-twelid qegħeda tonqos, ir-rata tal-konsum tar-riżorsi qegħeda tiżdied.

Il-punt li jrid jagħmel il-Papa hu li ma nistgħux nippretendu li nsolvu l-fenomenu tat-tkabbir tal-popolazzjoni b’soluzzjonijiet riduttivi. Fil-qalba tal-problema hemm il-limitazzjonijiet tal-metodu preżenti tat-tqassim tal-ġid, il-konsumiżmu “estrem u selettiv ta’ xi wħud.”

B’hekk nifhmu ftit aktar għaliex dan id-dokument m’huwiex biss wieħed li jitkellem fuq il-ħarsien tal-ambjent għax dik hi l-moda llum. Dan id-dokument hu stedina għal konverżjoni, bidla tal-qalb, biex kull wieħed u waħda minna nagħrfu x’impatt kbir għandna fuq ħaddieħor bil-mod kif nużaw il-ġid li Alla fdalna f’idejna.