Meta wieħed jgħix fuq gżira f’nofs il-Mediterran, bħalna il-Maltin, il-probabilta’ hi li jispiċċa jieħu l-ilma for granted. Ninsabu mdawrin bl-ilma minn kull direzzjoni. Huwa ferm faċli li tiftaħ il-vit u ssib ilma tajjeb għax-xorb. Huwa ħafna diffiċli timmaġina li madwar id-dinja hawn madwar żewġ biljun ruħ li m’għandhomx aċċess għal ilma li hu nadif u tajjeb għax-xorb. Minkejja li l-ilma jifforma proporzjon kbir tal-wiċċ tad-dinja fil-forma ta’ oċeani u ibħra, huwa biss madwar 1.2% ta’ dan kollu li hu aċċessibli bħala ilma ħelu min lagi, għadajjar jew xmajjar. Madankollu, l-aċċess għal dan l-ilma mhux imqassam b’mod ekwu u ħafna mid-drabi l-ilma ma jkunx tajjeb għax-xorb minħabba tniġġis u kontaminazzjonijiet oħra. Proċessi industrijali waslu wkoll għal żieda fid-domanda tal-ilma ħelu. L-ilma huwa ġid komuni u dritt fundamentali tal-bniedem, però hemm diversi drabi fejn dan id-dritt ma jiġix rispettat. Dokument maħruġ mill-Vatikan bl-isem Aqua fons vitae (L-ilma hu sors ta’ ħajja) jesplora dan l-aspett fundamentali tal-ilma għall-promozzjoni tad-dinjita’ umana u l-integrita’ tal-iżvilupp tal-bniedem. L-immaniġjar tad-diversi sorsi tal-ilma jista’ jsib ispirazzjoni mit-Tagħlim Soċjali tal-Knisja, speċjalmet fir-rigward ta’ temi b’relazzjoni mad-dinjita’ tal-bniedem, s-solidarjeta’, il-ġustizzja, id-destinazzjoni universali tal-ġid, is-sussidarjetà, il-ġid komuni, l-ekoloġija integrali, l-iżvilupp integrali tal-bniedem, kif ukoll l-għażla preferenzjali favur il-fqir. L-ilma jirrapreżżenta qasam li jippermettilna nwettqu fil-prattika prinċipji evanġeliċi favur il-ġid tal-umanita’… Kompli aqra »