1.“Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji r-riġlejn ta’ min ixandar is-sliem” (Iż 52:7).
Il-kliem tal-profeta Iżaija jesprimi l-faraġ, in-nifs ta’ serħan ta’ poplu eżiljat, għajjien minħabba l-vjolenza u l-oppressjoni, mifni min-nuqqas ta’ dinjità u mill-mewt. Dwaru l-profeta Bàruk staqsa: “Għala, Iżrael, għala tinsab f’art l-għedewwa tiegħek? Għala qiegħed tixjieħ f’art barranija? Għala int imniġġes mal-mejtin, magħdud fost dawk li jinżlu f’Qiegħ l-Art?” (3:10-11). Għal dan il-poplu, il-miġja ta’ min se jxandar is-sliem kienet tfisser it-tama għal twelid mill-ġdid mill-irmied tal-istorja, bidu ta’ ġejjieni sabiħ.
Anki llum, il-mixja tal-paċi, li San Pawlu VI sejjaħ bl-isem ġdid ta’ żvilupp sħiħ tal-bniedem,[1] b’xorti ħażina għadha tinsab ’il bogħod mill-ħajja vera ta’ ħafna rġiel u nisa u, għaldaqstant, tal-familja tal-bnedmin, li issa hi magħġuna flimkien għalkollox. Minkejja l-ħafna sforzi indirizzati lejn djalogu kostruttiv bejn in-nazzjonijiet, nisimgħu dejjem iktar qawwi l-istorbju jtarrax tal-gwerer u l-kunflitti, filwaqt li jiżdied il-mard ta’ proporzjonijiet pandemiċi, qed imorru għall-agħar l-effetti tal-bdil fil-klima u tal-qerda tal-ambjent, qed issir aktar gravi t-traġedja tal-ġuħ u l-għatx u jkompli jiddomina mudell ta’ ekonomija msejjes fuq l-individwaliżmu iktar milli fuq il-kondiviżjoni u s-solidarjetà. Bħal fi żmien il-profeti tal-qedem, anki llum il-karba tal-foqra u tal-art[2]ma tiqafx tidwi f’talba mqanqla għall-ġustizzja u l-paċi.
F’kull żmien, il-paċi hija taħlita ta’ rigal mis-sema u l-frott ta’ impenn reċiproku. Hemm, fil-fatt, “arkitettura” tal-paċi, mibnija permezz ta’ istituzzjonijiet differenti tas-soċjetà, u hemm “artiġjanat” tal-paċi li fih nidħlu direttament ilkoll kemm aħna.[3] Kulħadd jista’ jagħti sehmu fil-binja ta’ dinja b’iktar paċi: nitilqu l-ewwel minn qalbna stess u r-relazzjonijiet fil-familja, fis-soċjetà u mal-ambjent, u naslu sar-relazzjonijiet bejn il-popli u l-pajjiżi.
Nixtieq li hawn nipproponi tliet toroq għall-bini ta’ paċi dejjiema. L-ewwel nett, id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet, bħala l-pedament għat-twettiq ta’ proġetti li fuqhom jaħdem kulħadd. It-tieni nett, l-edukazzjoni, bħala fattur ta’ libertà, responsabbiltà u żvilupp. Fl-aħħar nett, ix-xogħol biex titwettaq b’mod sħiħ id-dinjità tal-bniedem. Dawn huma tliet elementi li ma nistgħux ngħaddu mingħajrhom biex “nagħtu l-ħajja lil patt soċjali”,[4] li mingħajru kull proġett għall-paċi ma jibqax jagħmel sens.
2. Id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet biex tinbena l-paċi
F’dinja li għadha maqbuda fil-morsa tal-pandemija, li kkawżat ħafna problemi, “xi wħud jippruvaw jaħarbu mir-realtà u jistkennu f’dinjiet privati, u oħrajn jaffrontawha bi vjolenza qerrieda, imma bejn l-indifferenza egoistika u l-protesta vjolenti hemm għażla li hi dejjem possibbli: id-djalogu. Id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet”.[5]
Kull djalogu sinċier, anki jekk ma jonqsux skambji ta’ opinjonijiet ġusti u pożittivi, dejjem għandu jkollu bħala bażi l-fiduċja bejn l-interlokuturi. Għandna bżonn nerġgħu nsibuha din il-fiduċja ta’ bejnietna! Il-kriżi sanitarja ta’ bħalissa kabbret f’kulħadd is-solitudni u ngħalaqna fina nfusna. Mas-solitudni tal-anzjani nsibu wkoll is-sens ta’ impotenza fiż-żgħażagħ u n-nuqqas ta’ idea komuni ta’ x’se jġib miegħu l-ġejjieni. Din il-kriżi żgur li ġġib uġigħ. Fiha, iżda, jistgħu jidhru l-isbaħ karatteristiċi tal-persuna. Fil-fatt, kien proprju waqt il-pandemija li rajna, f’kull parti tad-dinja, xhieda ta’ qalb kbira, ġenerożità, kompassjoni, kondiviżjoni u solidarjetà.
Li tiddjaloga jfisser li tisma’, tikkonfronta, tiftiehem u timxi flimkien. Jekk dan kollu tagħtih imbuttatura fost il-ġenerazzjonijiet ikun ifisser li trattab l-art iebsa u sterili tal-kunflitt u tar-rimi biex tiżra’ ż-żerriegħa ta’ paċi dejjiema u mifruxa ma’ kullimkien.
Filwaqt li l-iżvilupp fit-teknoloġija u fl-ekonomija spiss ħoloq firda fost il-ġenerazzjonijiet, il-kriżijiet ta’ dan iż-żmien qed juru kemm hi urġenti li dawn issa jaħdmu flimkien. Minn naħa, iż-żgħażagħ għandhom bżonn tal-esperjenza eżistenzjali, intellettwali u spiritwali tal-anzjani; mill-oħra, l-anzjani għandhom bżonn is-sostenn, l-imħabba, il-kreattività u d-dinamiżmu taż-żgħażagħ.
L-isfidi soċjali kbar u l-ħidma għall-paċi ma jistgħux iseħħu mingħajr id-djalogu bejn il-ħarriesa tal-memorja – l-anzjani – u dawk li jmexxu ’l quddiem l-istorja – iż-żgħażagħ; u lanqas iseħħu mingħajr id-disponibbiltà ta’ kull waħda minn dawn il-kategoriji biex tagħti spazju lill-oħra, bla ma tippretendi li tieħu x-xena kollha hi billi taħdem favur l-interessi tagħha ta’ dak il-ħin daqslikieku ma jeżistux passat u ġejjieni. Il-kriżi globali li qed ngħixu turina kemm il-laqgħa u d-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet huma l-mutur għal politika b’saħħitha, li ma tikkuntentax li tamministra dak li għandha “b’xi tiswija jew soluzzjonijiet ta’ malajr”,[6] imma li tingħata bħala xempju ta’ mħabba lejn l-ieħor,[7] fit-tfittxija għal proġetti sostenibbli u li jgħaqqduna.
Jekk fid-diffikultajiet jirnexxilna noħolqu dan id-djalogu interġenerazzjonali, “kapaċi nniżżlu għeruqna sew fil-preżent u, minn din il-pożizzjoni, inżuru kemm l-imgħoddi u kemm il-ġejjieni: inżuru l-imgħoddi, biex nitgħallmu mill-istorja u biex infejqu l-ġrieħi li xi drabi jikkundizzjonawna; inżuru l-ġejjieni, biex nitħeġġu aktar, inħallu l-ħolm tagħna jinbet, inqanqlu l-profeziji, u t-tama twarrad. B’dan il-mod, magħqudin, nistgħu nitgħallmu minn xulxin”.[8] Mingħajr l-għeruq, kif jistgħu s-siġar jikbru u jħallu l-frott?
Biżżejjed naħsbu fil-kunċett tal-għożża tad-dar komuni. L-ambjent stess, fil-fatt, “hu misluf lil kull ġenerazzjoni li tilqgħu u trid tgħaddih lil ta’ warajha”.[9] Għandna għalhekk napprezzaw u nagħmlu l-qalb lill-ħafna żgħażagħ li qed jagħmlu ħilithom biex jibnu dinja iktar ġusta u attenta biex tħares il-ħolqien, imħolli lilna biex nieħdu ħsiebu. Dan jagħmluh b’ħafna ħeġġa u entużjażmu, u fuq kollox b’sens ta’ responsabbiltà xħin iħossu kemm hu urġenti l-bżonn ta’ bidla fir-rotta,[10] ħaġa inevitabbli minħabba d-diffikultajiet ikkawżati mill-kriżi etika u soċjoambjentali ta’ bħalissa.[11]
Wara kollox, l-opportunità biex flimkien nibnu mogħdijiet li jwasslu għall-paċi ma tistax tinqata’ mill-edukazzjoni u mix-xogħol, imkejjen u kuntesti privileġġjati fejn jidħol id-djalogu interġenerazzjonali. Hija l-edukazzjoni li tagħtina l-grammatika tad-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet u hu fl-esperjenza tax-xogħol li rġiel u nisa ta’ ġenerazzjonijiet differenti jsibu ruħhom jaħdmu flimkien, jaqsmu l-għarfien tagħhom, l-esperjenzi u l-kompetenzi waqt li jaħdmu għall-ġid komuni.
3. It-tagħlim u l-edukazzjoni bħala muturi tal-paċi
Fl-aħħar snin, fuq livell globali, naqsu ħafna l-fondi ddedikati lit-tagħlim u l-edukazzjoni, u qed jitqiesu spejjeż iktar milli investimenti. Madankollu, huma l-bażi ta’ żvilupp uman sħiħ: jagħmlu lill-persuna iktar ħielsa u responsabbli u huma indispensabbli għall-ħarsien u t-tkattir tal-paċi. Fi kliem ieħor, it-tagħlim u l-edukazzjoni huma s-sisien ta’ soċjetà magħquda, ċivili, li kapaċi tiżra’ t-tama, il-ġid u l-progress.
L-infiq militari, iżda, żdied, u ssupera l-livell irreġistrat fi tmiem il-“Gwerra l-Bierda”, u donnu se jibqa’ jiżdied b’mod allarmanti.[12]
Għalhekk huwa opportun u urġenti li min għandu r-responsabbiltà li jiggverna jaħseb f’politiki ekonomiċi biex ikun hemm bidla fir-rotta u jsiru investimenti pubbliċi fl-edukazzjoni iktar milli fl-ispejjeż li jmorru għall-armamenti. Wara kollox, il-qerda tal-armi fuq livell internazzjonali ma tistax ħlief toffri vantaġġi kbar għall-iżvilupp tal-popli u n-nazzjonijiet, b’tali mod li, kif xieraq, ir-riżorsi finanzjarji jiġu użati għas-saħħa, l-iskejjel, l-infrastuttura, il-ħarsien tat-territorju u l-bqija.
Nixtieq li flimkien mal-investiment fl-edukazzjoni, ikun hemm ukoll impenn aktar konsistenti biex tissaħħaħ il-kultura tal-kura.[13] Din, quddiem il-qasmiet fis-soċjetà u l-indifferenza tal-istituzzjonijiet, tista’ ssir il-lingwa komuni li tisfronda l-ħitan u tibni l-pontijiet. “Pajjiż jikber meta r-rikkezzi kulturali tiegħu jiddjalogaw bejniethom b’mod kostruttiv: il-kultura popolari, il-kultura universitarja, il-kultura żagħżugħa, il-kultura artistika, il-kultura teknoloġika, il-kultura ekonomika, il-kultura tal-familja, u l-kultura tal-midja”.[14] Għalhekk hemm bżonn li niffurmaw mudell kulturali ġdid, permezz ta’ “ftehim edukattiv globali għal u mal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, ftehim li jrid l-impenn min-naħa tal-familji, tal-komunitajiet, tal-iskejjel kif ukoll tal-universitajiet, l-istituzzjonijiet, ir-reliġjonijiet, min jiggverna, u l-umanità kollha, biex jiffurmaw persuni maturi”.[15] Ftehim li jsaħħaħ l-edukazzjoni dwar l-ekoloġija integrali, skont mudell kulturali ta’ paċi, żvilupp u sostenibbiltà, imsejjes fuq il-fraternità u l-patt bejn il-bniedem u l-ambjent.[16]
L-investiment fit-tagħlim u l-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ huwa t-triq ewlenija li twassalhom, permezz ta’ preparazzjoni speċifika, biex isibu posthom b’kundizzjonjiet xierqa fid-dinja tax-xogħol.[17]
4. Il-promozzjoni tax-xogħol u x-xogħol sigur jgħinu fil-binja tal-paċi
Ix-xogħol hu element indispensabbli biex tinbena u tinżamm il-paċi. Permezz tax-xogħol nesprimu lilna nfusna u t-talenti tagħna, imma nuru wkoll impenn, ħidma, kollaborazzjoni mal-oħrajn, għaliex dejjem naħdmu ma’ jew għal xi ħadd. Minn din il-perspettiva tant soċjali, ix-xogħol huwa l-post fejn nitgħallmu nagħtu l-kontribut tagħna għal dinja iktar sabiħa u fejn kulħadd jgħix aħjar.
Il-pandemija tal-Covid-19 għamlet is-sitwazzjoni fid-dinja tax-xogħol waħda iktar wiegħra, wara li diġà kienet għaddejja minn ħafna sfidi. Miljuni ta’ attivitajiet ekonomiċi u produttivi fallew; il-ħaddiema fil-prekarjat qed isiru dejjem iktar vulnerabbli; ħafna minn dawk li joffru servizzi essenzjali saru iktar moħbija f’għajnejn il-pubbliku u l-politika; it-tagħlim onlajn ħafna drabi wassal biex it-tagħlim u l-edukazzjoni ma jibqgħux b’saħħithom. Barra minn hekk, iż-żgħażagħ li qed joqorbu lejn id-dinja tax-xogħol u l-adulti li sfaw bla xogħol illum qed iħabbtu wiċċhom ma’ prospettivi xejn sbieħ.
B’mod partikulari, l-effett tal-kriżi fuq l-ekonomija informali, li spiss insibu fiha l-ħaddiema li huma migranti, kien wieħed diżastruż. Ħafna minnhom il-liġi ma tafx bihom, allura qishom ma jeżistux; jgħixu f’kundizzjonijiet prekarji ħafna, kemm għalihom kif ukoll għall-familji tagħhom, bil-periklu li jiġu sfruttati għal forom differenti ta’ skjavitù u li m’għandhom ebda sistema ta’ welfare li tipproteġihom. Ma’ dan inżidu li bħalissa huma biss terz mill-popolazzjoni tal-ħaddiema fid-dinja li qed igawdu minn sistema ta’ protezzjoni soċjali, jew li għandhom aċċess għaliha b’mod limitat. F’ħafna pajjiżi qed jikbru l-vjolenza u l-kriminalità organizzata, qed jinħanqu l-libertà u d-dinjità tal-persuni, l-ekonomija qed tispiċċa vvelenata u mhux qed jitħalla jikber il-ġid komuni. It-tweġiba għal din is-sitwazzjoni ma tistax tkun ħlief li jitkattru l-opportunitajiet ta’ xogħol dinjituż.
Ix-xogħol fil-fatt huwa l-pedament li fuqu tista’ tinbena l-ġustizzja u s-solidarjetà f’kull komunità. Għalhekk “m’għandniex infittxu li x-xogħol tal-bniedem neħdulu postu dejjem iżjed bil-progress teknoloġiku: meta jagħmel hekk, il-bniedem ikun jagħmel ħsara lilu nnifsu. Ix-xogħol hu bżonn, hu parti mis-sens tal-ħajja fuq din l-art, triq li biha l-bniedem jikber, jiżviluppa u jilħaq il-milja tiegħu”.[18] Għandna niġbru flimkien l-ideat u l-isforzi biex noħolqu l-kundizzjonijiet u noħorġu b’soluzzjonijiet, sabiex kull bniedem fl-età tax-xogħol ikollu ċ-ċans, permezz ta’ xogħlu, jagħti sehmu fil-ħajja tal-familja u tas-soċjetà.
Huwa urġenti iktar minn qatt qabel li naħdmu fid-dinja kollha favur kundizzjonijiet ta’ xogħol deċenti u dinjitużi, li jwasslu għall-ġid komuni u għall-ħarsien tal-ħolqien. Hemm bżonn niżguraw u noffru sostenn lil-libertà tal-inizjattivi tal-imprendituri, u fl-istess ħin inħallu li tikber responsabbiltà soċjali ġdida, sabiex il-profitt ma jibqax l-uniku kriterju li jmexxina.
F’din il-perspettiva għandhom jiġu mħaddma, milqugħa u sostnuti l-inizjattivi li, f’kull livell, iħeġġu lin-negozji jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema, u b’hekk dan il-messaġġ jgħadduh mhux biss lill-istituzzjonijiet, iżda wkoll lill-konsumaturi, lis-soċjetà ċivili u lill-imprendituri. Dawn tal-aħħar, iktar ma jkunu konxji tar-rwol soċjali tagħhom, iktar jistgħu joffru postijiet fejn titħaddem id-dinjità umana, u hekk jieħdu sehem huma wkoll fil-bini tal-paċi. F’dan il-qasam il-politika hija msejħa biex tieħu pożizzjoni attiva, billi taħdem favur bilanċ tajjeb bejn il-libertà ekonomika u l-ġustizzja soċjali. U dawk kollha li jaħdmu f’dan is-settur, ibda mill-ħaddiema u l-imprendituri Kattoliċi, jistgħu jħarsu lejn id-duttrina soċjali tal-Knisja biex tiggwidahom.
Għeżież ħuti! Waqt li nippruvaw ngħaqqdu flimkien l-isforzi tagħna biex noħorġu mill-pandemija, nixtieq inġedded ir-ringrazzjament tiegħi lil dawk li taw sehemhom u għadhom jingħataw b’ġenerożità u responsabbiltà biex jiżguraw it-tagħlim u l-ħarsien tad-drittijiet, biex tiġi mogħtija l-kura medika, biex jiffaċilitaw il-laqgħa bejn il-familjari u l-morda, biex jiżguraw sostenn ekonomiku lill-persuni fil-bżonn jew lil dawk li tilfu x-xogħol. U nwiegħed li fit-talb tiegħi niftakar fil-vittmi kollha u fil-familji tagħhom.
Lil min jiggverna u lil dawk li għandhom responsabbiltajiet politiċi u soċjali, lir-ragħajja u lill-mexxejja tal-komunitajiet ekkleżjali, kif ukoll lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, nappella biex flimkien nimxu f’dawn it-tliet toroq: id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet, l-edukazzjoni u x-xogħol. B’kuraġġ u kreattività. U biex ikun dejjem ikbar in-numru ta’ dawk li, mingħajr ma jagħmlu ħoss, b’umiltà u perseveranza, jum wara l-ieħor, ikunu artiġjani tal-paċi. U li dejjem timxi qabilhom u magħhom il-barka ta’ Alla tal-paċi!
Mill-Vatikan, 8 ta’ Diċembru 2021
Franġisku
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Rossana Cremona
[1] Ara Ittra enċiklika Populorum progressio (26 ta’ Marzu 1967), 76ss.
[2] Ara Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 49.
[3] Ara Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 231.
[8] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit (25 ta’ Marzu 2019), 199.
[9] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 159.
[12] Ara Messaġġ lill-parteċipanti tar-raba’ Forum ta’ Pariġi dwar il-paċi, 11-13 ta’ Novembru 2021.
[13] Ara Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 231; Messaġġ għal-LIV Jum Dinji tal-Paċi. Il-kultura tal-kura bħala mixja li twassal għall-paċi (8 ta’ Diċembru 2020).
[14] Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 199.
[15] Vidjomessaġġ għall-Global Compact on Educaion. Together to Look Beyond (15 ta’ Ottubru 2020).
[16] Ara Vidjomessaġġ għall-High Level Virtual Climate Ambition Summit (13 ta’ Diċembru 2020).
[17] Ara S. Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Laborem exercens (14 ta’ Settembru 1981), 18.
[18] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 128.