Għexieren ta’ nies jippruvaw jitilgħu fuq il-ġwienaħ tal-ajruplan C-17 tal-Forzi tal-Ajru tal-Istati Uniti, hu u jtir mill-Ajruport ta’ Kabul. Sekondi wara t-tluq, minn tal-anqas żewġ persuni jaqgħu minn fuq l-istess ajruplan u jmutu mewta orribbli.
Dan huwa l-filmat drammatiku li aktarx jirrappreżenta bl-iktar mod ċar is-sens ta’ kaos u disperazzjoni li ħakem l-Afganistan u l-kapitali tiegħu Kabul fl-aħħar jiem, wara li l-pajjiż waqa’ b’ħeffa kbira f’idejn it-Talibani.
Huwa stmat li aktar minn 400,000 persuna diġà ħarbu minn djarhom. Is-sitwazzjoni umanitarja u tas-saħħa pubblika – diġà katastrofika minħabba n-numru dejjem jikber ta’ infezzjonijiet ta’ Covid-19 – qed tiggrava bla waqfien. Ħafna nisa jinsabu maħkuma minn sens ta’ paniku u ta’ ansejtà rigward id-destin tagħhom, filwaqt li hemm biża’ kbira għal kif se jiġu ttrattati dawk li ħadmu mal-gvern preċedenti u li għenu l-koalizzjoni internazzjonali li kienet preżenti fil-pajjiż mill-2001.
Avvenimenti bħal dawk li qed naraw bħalissa, jagħtu lok għal numru kbir ta’ mistoqsijiet skomdi. Dawn il-mistoqsijiet huma skomdi preċiżament għax l-ebda risposta ma tidher li tissodisfana għal kollox. Madankollu, il-fatt li dawn il-mistoqsijiet huma skomdi ma jfissirx li bħala komunità ta’ fidi, m’għandniex ir-responsabbiltà li nistaqsuhom. Ngħidu aħna, seta’ jiġi evitat dan id-diżastru umanitarju kieku l-mexxejja dinjija tagħna kienu aktar trasparenti dwar is-sitwazzjoni reali fl-Afganistan? Konna distratti u aljenati wisq biex, bħala ċittadini, naqraw lil hinn mill-propaganda, li sal-ġimgħa li għaddiet kienet qed tirrakkonta storja ta’ “suċċess” li ġabet stabbiltà u paċi fl-Afganistan? Konna indifferenti wisq għat-tbatija ta’ ħutna biex nagħmlu sforz biex inqajmu lill-mexxejja dinjija tagħna minn raqda kolletiva? Huwa tajjeb li niftakru li l-gwerra Afgana ġiet ippreżentata bħala gwerra ta’ awto-difiża b’reazzjoni għall-attakki tal-11 ta’ Settembru. Iżda meta wieħed iqabbel l-ispiża finanzjarja u umana tal-gwerra Afgana mar-riżultati miksuba, jista’ intervent militari bħal dan, li jinkludi element qawwi ta’ “nation-building“, ikun iġġustifikat mill-lenti tat-teorija tradizzjonali tal-Gwerra Ġusta? Bħala eżempju, ejjew insemmu li skont din it-teorija, il-gwerra trid tiġi miġġielda biex tippromwovi t-tajjeb jew tevita l-ħażen, bil-għan li terġa‘ tinkiseb il-paċi u l-ġustizzja wara li tkun spiċċat il-gwerra u li l-gwerra għandha tiġi miġġielda bi ‘proporzjonalità‘, b’forza biżżejjed biex tinkiseb ir-rebħa u biss kontra miri leġittimi (jiġifieri ċ-ċivili għandhom ikunu protetti). Għal darb’oħra, tajjeb li wieħed jgħid li ħadd ma jista’ jgħaddi ġudizzju definittiv fuq kwistjoni tant kumplessa bħal din, iżda fuq dawn iż-żewġ punti biss, l-intervent fl-Afganistan jidher li jfalli miżerjament milli jissodisfa l-kriterji meħtieġa.
Fil-fatt, filwaqt li l-esperti u l-kummentaturi politiċi ta’ kull twemmin politiku qed ifittxu li jagħmlu sens minn dak li qed jiġri u jagħtu tort lil dak u lil ieħor, tajjeb li qabel xejn infakkru lilna nfusna li kuntrarjament għal dak li jistgħu jaħsbu bosta, il-kunflitt fl-Afganistan ma reġax beda il-ġimgħa li għaddiet wara waqfa paċifika ta’ għoxrin sena.
Fejn jidħlu l-gwerer, il-Punent ta’ spiss isofri minn tip ta’ amnesija selettiva li tippermettilna ninjoraw b’mod konvenjenti numru ta’ kunflitti li qed jiġru madwarna. Ftit nies, pereżempju, huma konxji mill-fatt li matul l-aħħar għoxrin sena nqatlu aktar minn 240,000 persuna fl-Afganistan. Aktar minn 71,000 minn dawk maqtula kienu pajżana. Skont in-Nazzjonijiet Uniti, l-Afganistan jinsab fit-tielet post fil-klassifika tal-pajjiżi li l-iktar għandhom ċittadini li kellhom iħallu djarhom. Mill-2012, madwar ħames miljun persuna fl-Afganistan telqu minn djarhom u jinsabu jew fl-Afganistan stess jew sabu kenn f’pajjiżi ġirien. Dawk iż-żgħażagħ imdendlin mal-ajruplani militari fuq ir-runway tal-ajruport ta’ Kabul ma kinux l-ewwel Afgani li rrikorrew għal miżura tant iddisprata fi sforz biex jaħarbu mill-vjolenza u l-persekuzzjoni. U sfortunatament, mhumiex se jkunu l-aħħar Afgani li jirriskjaw ħajjithom bit-tama li jiksbu l-ħajja. Dying to Live huwa fil-fatt it-titlu tal-aħħar pubblikazzjoni ta’ Danielle Vella li fih nsibu x-xhieda ta’ numru ta’ rġiel u nisa Afgani li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet impossibbli. Fi kliem Hakeem, “Aħna nibżgħu mill-gvern u nibżgħu mit-Taliban ukoll. Nagħmlu x’nagħmlu, naħa waħda se tarana bħala l-għadu. “
Sfortunatament, huwa tard wisq biex ngħinu lill-vittmi Afgani li sofrew vjolenza, korruzzjoni, regħba u indifferenza u li waslu biex tilfu ħajjithom inġustament matul l-aħħar deċennji. Nistgħu biss nitolbu għalihom. Iżda għall-oħrajn kollha, li se jkomplu jissieltu b’kuraġġ kontra l-oppressjoni u l-vjolenza, kif ukoll għal dawk kollha li ma jaraw l-ebda għażla ħlief li jfittxu s-sigurtà xi mkien ieħor, għadu mhux tard wisq. Propju l-ġimgħa li għaddiet, l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, u l-Olanda kitbu lill-Kummissjoni Ewropea u sostnew li t-twaqqif tad-deportazzjoni tal-immigranti Afgani “jibgħat sinjal ħażin u x’aktarx jimmotiva aktar ċittadini Afgani biex jitilqu minn darhom lejn l-Unjoni Ewropea”. Żgur li nistgħu nagħmlu aħjar minn hekk. Mhux biss għal dawk li qed jaħarbu mill-kaos ta’ Kabul, iżda għal dawk kollha li qed jaħarbu mill-ħafna kunflitti inviżibbli u minsija fid-dinja tal-lum. Bħala Nsara, huwa d-dmir tagħna li nkomplu nirriflettu mill-perspettiva tal-fidi u l-ġustizzja fuq dawn il-kunflitti kollha, fuq il-kawżi fundamentali tagħhom, fuq ir-rispons possibbli tagħna anke meta – u forsi speċjalment meta – jeżistu interessi qawwija li jippreferu jekk ninsew u ninjoraw. Huwa ta’ importanza assoluta li dawn il-kunflitti jinżammu viżibbli u li ma jintesewx. Wara kollox, Alla tagħna huwa Alla li jeħles lill-maħbubin tiegħu mill- “ħofra tat-telfien” (Is 38, 17). Fir-realtà, meta nħobbu lil xi ħadd ma nistgħux ma niftakrux fihom, u meta niftakru fil-vittmi ta’ dawn il-kunflitti moħbija kollha, qed inħobbu lil dawk li f’tentattiv iddisprat li jsalvaw ħajjithom, qed jirriskjaw li jaslu għal mewthom fil-ħofra tat-telfien.