Dar għal kulħadd? It-tiġdid tal-Oikos ta’ Alla hija t-tema tal-Istaġun tal-Ħolqien ta’ din is-sena, li matulu, l-Insara tad-denominazzjonijiet kollha jingħaqdu fit-talb u jieħdu azzjoni b’risq id-dar komuni tagħna, fi sforz biex iġeddu l-Oikos ta’ Alla.

Imma l-kelma Oikos xi tfisser? Oikos hija l-kelma Griega għal “familja,” jew “dar”. Il-familja tagħna hija magħmula mill-umanità kollha u minn kull speċi li tgħix fuq din il-pjaneta, id-dar komuni tagħna. Sfortunatament, ilkoll nafu li d-dar komuni tagħna, u magħha il-familja komuni tagħna, qed ibatu. Fil-fatt konna naħsbu li nistgħu nibqgħu b’saħħitna f’dinja marida imma l-kriżi tal-COVID-19 kienet sintomu allarmanti ieħor tal-kriżi ekoloġika li qed ngħixu.

Fi kliem il-Papa Franġisku: “Aħna nafu li wieħed ma joħroġx minn kriżi mingħajr ma jesperjenza bidla: Jew noħorġu aħjar jew agħar … Għandna niżguraw li l-ambjent ikun aktar nadif, aktar pur u li jiġi kkonservat. Għandna nieħdu ħsieb in-natura sabiex in-natura tieħu ħsiebna.”

L-Istaġun tal-Ħolqien, li jibda fl-1 ta’ Settembru u jintemm fl-4 ta’ Ottubru – fil-Festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi, il-patrun tal-ekoloġija – hija l-okkażjoni perfetta għall-familja Nisranija globali biex tingħaqad fit-talb u tieħu azzjoni għad-dar komuni tagħna. Eluf ta’ Nsara f’sitt kontinenti se jiltaqgħu flimkien għal perjodu ta’ ħajja ġdida u tama u biex jiskopru modi radikali ġodda ta’ kif ngħixu ir-relazzjoni tagħna mal-ħolqien.

Is-simbolu magħżul għaċ-ċelebrazzjoni ta’ din is-sena huwa t-tinda ta’ Abraham. Meta Abraham u Sarah laqgħu lit-tliet barranin (Ġenesi 18), l-att radikali ta’ ospitalità li wrew sar sors ta’ barka kbira. Illum, it-tinda tista’ tkun is-sinjal tas-sejħa tagħna biex noħolqu spazji siguri għad-djalogu u d-dixxerniment. It-tinda tirrappreżenta wkoll post ta’ kenn, u b’hekk tfakkarna f’dawk bla dar, ir-refuġjati, u dawk kollha li qed ikollhom iħallu djarhom minħabba l-effetti tal-bidla fil-klima.

It-tinda hija wkoll simbolu ta’ sempliċità. Fost iż-żgħażagħ, b’mod partikolari, it-tinda u l-backpacksjissimbolizzaw stil ta’ ħajja essenzjali u sempliċi li ma tgħakkisx l-art. Bħal dawk in-nies li llum jgħixu ħajja nomadika jew semi-nomadika, Abraham u Sara kienu jafu xi tfisser li tkun vulnerabbli, tiddependi fuq it-tjubija tal-art, tirrispetta r-ritmi tagħha, u tgħix b’fiduċja. It-tinda hija sinjal tal-pellegrin li hu grat għal dak li għandu u li jaf li aħna u għaddejjin minn din il-ħajja, l-impatt tagħna fuq l-art għandu jkun żgħir kemm jista’.

Illum, id-dinja tinsab f’mument kruċjali u rridu nagħżlu t-triq it-tajba. Li naċċettaw il-fatti dwar ix-xjenza tal-klima mingħajr ma nbiddlu l-istil ta’ ħajja tagħna ifisser biss li nkunu qegħdin niċħdu r-realtà. Kemm se ndumu naċċettaw din in-nuqqas ta’ konnessjoni bejn dak li nafu u l-azzjonijiet tagħna? Illum, kważi kulħadd huwa konxju tal-gravità tal-emerġenza tal-klima. U madankollu, traġikament, ftit huma dawk li, fi sforz biex jieħdu ħsieb id-dar u l-familja komuni tagħna, huma lesti li jaġixxu fuq dan l-għarfien u jibdlu l-imġiba tagħhom b’mod radikali.

Dan l-Istaġun tal-Ħolqien, għalhekk, se jkun mument kritiku għall-Insara kollha biex jagħmlu eżami tal-kuxjenza u jieħdu passi konkreti lejn stil ta’ ħajja aktar sostenibbli. Se tkun ukoll l-opportunità perfetta biex ngħollu l-leħen tal-aktar nies vulnerabbli u niddefendu l-interessi tagħhom issa li resqin lejn żewġ summits kruċjali: Il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bijodiversità (COP15) f’Ottubru, il-mexxejja dinjija jistgħu jistabbilixxu miri konkreti biex jipproteġu l-ħolqien. U f’Novembru, fis-26 Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP26), il-pajjiżi se jħabbru l-pjanijiet tagħhom biex jilħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.

Kif qal il-Papa Franġisku lill-mexxejja dinjin fis-Summit ta’ Jum id-Dinja f’April, “għandna l-mezzi biex nilqgħu għall-isfida … Wasal iż-żmien li nużawhom.”

Segwi l-midja soċjali tagħna matul l-Istaġun tal-Ħolqien għal aktar informazzjoni, artikli u dettalji ta’ attivitajiet li ħa jiġu organizzati.