Dan l-aħħar, kont qiegħed nipprova nnaqqas l-ammont ta’ plastik li nuża fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum … u irrealizzajt kemm din hi xi ħaġa diffiċli. Kultant ninsa nieħu basket tad-drapp miegħi mid-dar meta mmur nagħmel xi xirja. Drabi oħra, ikolli ninsisti mas-sidien tal-ħwienet li m’għandix bżonn borża għax-xirja. Spiss, ninsa nieħu l-ilma miegħi u nispiċċa nixtri flixkun tal-plastik.
Fil-fatt, il-plastik huwa materjal versatili ħafna. Huwa durabbli, ma jiddegradax u ma jirreaġixxix ma’ materjali oħra. Mhux ta’ b’xejn mela, li l-plastik jinstab f’kull tip ta’ materjal, inkluż f’kontenituri, fit-toothpaste u fil-kożmetiċi, fil-ħwejjeġ, f’prodotti industrijali u f’ħafna aktar prodotti.
Madankollu, dawn l-istess kwalitajiet li jagħmlu l-plastik riżorsa daqshekk tajba, huma l-istess kwalitajiet li jwasslu biex il-plastik ikun ta’ periklu għall-ambjent. Ħafna plastik jintuża darba biss u jsib ruħu fil-baħar. Il-plastik ma jiddekomponix imma jinkiser f’partikoli iżgħar mal-medda taż-żmien. Eventwalment, dawn il-partikoli jsiru tant żgħar li ma jibqax possibbli li jinġabru mingħajr ma jitneħħew organiżmi oħra li jinsabu fil-baħar. Meta jkunu inqas minn 5mm, jissejħu mikroplastiċi. Dawn il-mikroplastiċi jiġu rilaxxati wkoll fil-baħar kawża ta’ xi attivitajiet industrijali.
Il-mikroplastiċi fil-baħar huma sustanzi li jniġġsu. Dawn iżommu ġo fihom bosta mikrobi u kontaminanti organiċi persistenti li huma wkoll tossiċi għall-organiżmi tal-baħar u għall-bnedmin. Minħabba li huma żgħar, il-mikroplastiċi jinbelgħu faċilment mill-ħut. Peress li l-ħut żgħir eventwalment jittiekel minn ħut ikbar, il-mikroplastiċi u kwalunkwe mikrobu mwaħħal magħhom eventwalment jakkumulaw fil-ħut il-kbir, li potenzjalment jaffettwaw il-bijoloġija ta’ dawn l-organiżmi u jispiċċaw fl-ikel li nieklu. L-akkumulazzjoni ta’ mikroplastik tul il-katina tal-ikel tista’ tirriżulta f’konċentrazzjoni kbira ta’ tossini perikolużi fil-ħut stess.
Minkejja li jiġu ffurmati fil-baħar, il-mikroplastiċi jinġarru wkoll għal fuq l-art u jispiċċaw fuq il-bajjiet. Eżempju ta’ dawn il-mikroplastiċi huma l-hekk imsejħa nurdles, li jistgħu faċilment jiġu osservati fuq ir-ramel fil-bajjiet tagħna. Ġie magħruf, li l-preżenza ta’ dawn il-mikroplastiċi tista’ taffettwa l-imġiba ta’ organiżmi bħall-ħniex. Il-preżenza ta’ mikroplastiċi nstabet wkoll fl-ilma tax-xorb, kif ukoll f’sorsi ta’ ikel bħal fil-birra, fil-melħ u fiz-zokkor. L-effett tiegħu fuq il-bnedmin għadu mhux determinat.
Il-kriżijiet ambjentali devastanti li l-plastik qed jikkawża fl-ekosistema tagħna jitolbu azzjoni serja biex jitnaqqas l-ammont ta’ plastik li qed jintuża. Din il-ħaġa żgur li mhix daqshekk faċli għax huwa ferm diffiċli li tibdel ċertu rutini u drawwiet. Madankollu, issa li l-Papa Franġisku qiegħed jistedinna nirriflettu fuq il-kura tad-dar komuni tagħna matul l-Istaġun tal-Ħolqien, tajjeb li nieqaf u naħseb x’nista’ nagħmel biex innaqqas l-użu tal-plastik fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum.
Fuq livell personali, xi eżempji ta’ dak li nista’ nagħmel jinkludu:
- L-eliminazzjoni tal-użu ta’ kontenituri li jintremew wara l-użu tagħhom (fliexken, kontenituri, pożati, straws, eċċ). Minflokhom nuża kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw.
- Ix-xiri ta’ ħwejjeġ magħmula minn materjal naturali minflok dawk sintetiċi.
- Ix-xiri ta’ prodotti b’inqas ippakkjar tal-plastik.
- Ir-riċiklaġġ tal-plastik.
- Nevita prodotti li fihom żibeġ żgħar tal-plastik
Barra minn hekk, nista’ nikkontribwixxi ma’ oħrajn fl-isforzi biex innaqqas il-plastik. Pereżempju:
- Parteċipazzjoni f’tindif tal-bajjiet
- Inħeġġeġ lil sħabi biex inaqqsu l-użu tal-plastik tagħhom
- Nappoġġja organizzazzjonijiet li jindirizzaw it-tniġġis tal-plastik
- L-iffirmar ta’ petizzjoni biex tagħmel pressjoni fuq il-mexxejja politiċi biex jaġixxu fuq kwistjonijiet ambjentali, eż. https://thecatholicpetition.org/
- Nieħu sehem attiv f’inizjattiva li tippromwovi l-kura tal-ambjent. Ara pereżempju, il-pjattaforma ta’ Azzjoni Laudato Si fuq https://laudatosiactionplatform.org/about/
Li nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna hija r-responsabbiltà ta’ kulħadd. Hemm bżonn l-isforz u l-impenn ta’ kulħadd. Għalhekk nistiednek biex tingħaqad mal-Papa Franġisku biex tiċċelebra l-Istaġun tal-Ħolqien billi tidentifika kif tista’ tnaqqas il-plastik mill-ħajja ta’ kuljum u tħeġġeġ lil ħaddieħor biex jagħmel l-istess. Flimkien nistgħu nagħmlu differenza billi nitolbu, nipproteġu u niddefendu l-ħolqien ta’ Alla u d-dar komuni tagħna.
Dr Maria Cardona