F’dokument ippublikat xahar mill‑ġurnata meta l‑ġurnalista Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata f’attakk ippremeditat fuq is‑soċjetà tagħna, il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi ħeġġet liċ‑ċittadini kollha jirriflettu fuq il‑qagħda tas‑soċjetà tagħna llum, jieħdu azzjoni konkreta u jaħdmu għall‑ġid komuni, u jippromwovu l‑paċi.
Il-Kummissjoni qalet li indubbjament huwa meħtieġ li nitolbu lil Alla għad‑don tal‑paċi tiegħu, iżda dan mhuwiex biżżejjed. Fi kliem il-Papa Benedittu XVI, “il‑paċi hija kemm don kif ukoll impenn”. Il-paċi titlob impenn veru minn kull wieħed u waħda minna biex naħdmu għal soċjetà msejsa fuq il‑verità, il‑ġustizzja, il-libertà u l‑imħabba, li huma l‑erba’ valuri li jiddependu fuq xulxin u li fuqhom tissawwar il‑paċi.
F’sitwazzjoni kkunsidrata minn ħafna bħala ta’ disprament, aħna msejħin inkunu aġenti ta’ tama li nħabirku għall‑ġustizzja u l‑paċi.