F’survey li sar maż-żgħażagħ biex jara f’liem parti tad-dinja jixtiequ jgħixu, 27% biss għażlu lil Malta.

Fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss, iż-żgħażagħ ta’ 16-il sena se jkollhom għall-ewwel darba d-dritt li jivvutaw. U madanakollu, dawn l-istess żgħażagħ qed jgħidulna li jippreferu jitilqu mill-pajjiż milli jinvolvu ruħhom politikament hawnhekk. Il-maġġorparti taż-żgħażagħ donnhom qatgħu qalbhom minn Malta. Qed ifittxu minflok, li jgħixu f’post li jgħinhom biex jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom, li jieħu ħsieb l-ambjent, li jinvesti fl-edukazzjoni u li jippromwovi stil ta’ ħajja tajba għas-saħħa. U għal ħafna minnhom, Malta mhuwiex dan il-post.

B’xi mod, dawn is-sejbiet mhumiex ta’ sorpriża. In-nuqqas ta’ tama tinħass sew. Quddiem tant sitwazzjonijiet ikkumplikati u ta’ tbatija, fejn nemmnu li xejn ma jista’ jsir biex jieqfu l-inġustizzji u l-vjolenza fuq in-natura u fuq ħutna l-bnedmin, insiru ċiniċi u diżillużi. In-nuqqas ta’ tama tikber u nibdew naħsbu li huwa aktar ‘safe’ li ma nittamawx. Aħjar taċċetta r-realtà, iebsa kemm hi iebsa, milli tazzarda tittama u tara dawn it-tamiet mgħaffġa taħt saqajk għal darb’oħra. Dan huwa mekkaniżmu ta’ difiża naturali u li mhux diffiċli tifhmu għax ilu jeżisti daqskemm ilu jeżisti l-bniedem. Żewġ millenji ilu, id-dixxipli ta’ Għemmaws kienu maħkumin minn dan it-tip ta’ nuqqas ta’ tama f’qalbhom: “Konna nittamaw” (Lq 24:21) hija l-frażi li jużaw biex jispjegaw id-deżolazzjoni tagħhom wara il-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib. Huma kienu jittamaw li Ġesù, ħabib u għalliem tagħhom, kien se jkun differenti.  Minflok, inqatel bħal kriminal komuni.

Fid-dinja tagħna, fiż-żminijiet tagħna u f’pajjiżna, jinħass bżonn urġenti li fostna jkun hawn doża qawwija ta’ tama. Din it-tama m’għandniex inħawduha ma’ ottimiżmu simplistiku li jistedinna nħarsu lejn in-naħa sabiħa tal-affarijiet u ninjoraw ir-realtà. Filwaqt li l-ottimiżmu huwa t-twemmin li l-affarijiet b’xi mod se jmorru tajjeb, it-tama ma tassumi xejn minn dan. It-tama, iżda, ittina l-kuraġġ biex filwaqt li ma naħarbux mir-realtà u minkejja l-blata enormi li timblokka t-triq tagħna għall-ħajja, ma nirrassenjawx ruħna għall-falliment. Nistgħu saħansitra nkunu nies li nħobbu nittamaw iżda pessimisti u nagħmlu tbassir negattiv dwar fejn se twassalna t-triq attwali tagħna, filwaqt li nibqgħu inħaddnu l-fiduċja li nistgħu ntejbu l-affarijiet f’ħajjitna u f’dik tal-oħrajn. Għax quddiem id-disperazzjoni, it-tama hija att rivoluzzjonarju kuraġġuż, li jisfida u jipproklama bil-kliem u bl-azzjoni li dan mhux it-tmiem, u li l-affarijiet m’għandhomx għalfejn ikunu hekk.

Hemm żewġ passi ewlenin li jwassluna għal din it-tip ta’ tama ħajja:

a) Jekk waħda mill-karatteristiċi ta’ ħajja bla tama hija l-inkapaċità li nimmaġinaw futur differenti, it-tama tibda tieħu l-għeruq fil-mument li nibdew nimmaġinaw futur aħjar. Meta l-isfidi li qed niffaċċjaw jiġu ppreżentati bħala taħwida waħda, kumplessi u enormi, bir-raġun inħossuna niddispraw, u l-immaġinazzjoni tagħna tfalli. Min-naħa l-oħra, filwaqt li huwa veru li ħafna drabi, ħafna kwistjonijiet huma interkonnessi, ma nistgħux nibdew il-vjaġġ ta’ tama attiva sakemm ma nħollux din il-kobba u ma naħsbux f’passi konkreti li jridu jittieħdu biex din il-“ħolma” ssir realtà.

b) It-tieni, jekk nillimitaw ruħna għal dan l-eżerċizzju li jimmaġina futur aħjar, inkunu qed ngħixu b’ottimiżmu, imma għadna mhux qed ngħixu t-tama. Fil-fatt, it-tama ħajja u attiva li tmexxina mit-tgergir għall-azzjoni, tibda sseħħ meta nimpenjaw ruħna b’mod konkret, anke jekk dan ikun fuq livell żgħir, fit-twettiq ta’ dan il-futur aħjar li nkunu immaġinajna.

Naturalment, ħafna ilħna – minn ġewwa u minn barra – ħa jkomplu jtambrulna l-messaġġ tan-nuqqas ta’ tama u se jkomplu jfakkruna kif, meta nikkonsidraw l-istampa kollha, kull azzjoni speċifika li nistgħu nagħmlu hija, fil-fatt, insinifikanti, bla konsegwenzi u irrilevanti. Imma jekk id-direzzjoni tal-vjaġġ hija fit-triq it-tajba, kull pass żgħir iwassalna pass eqreb lejn il-futur aħjar li aħna immaġinajna. F’dan kollu, irridu nieqfu wkoll nistennew kollox minn dawk li jiggvernawna, għax din “tkun ħaġa infantili. Aħna ngawdu minn ċerta korresponsabbiltà li kapaċi toħloq u twassal għal proċessi u bidliet ġodda. Ejja nkunu parti attiva fir-riabilitazzjoni u fit-tweżin tas-soċjetajiet midruba.”[1]

Jekk nazzardaw nibdew dan il-vjaġġ ta’ tama ħajja, żgur li nirrealizzaw li filwaqt li huwa minnu li n-nuqqas ta’ tama tittieħed u tinfirex, huwa veru wkoll li daqstant ieħor tista’ tinfirex it-tama. Għaldaqstant, l-istorja tgħallimna li l-vjaġġatur mimli tama mhuwiex iddestinat li jibqa’ waħdu għal żmien twil qabel ma jingħaqdu oħrajn li, armati bit-tama, sempliċement jirrifjutaw li jaqtgħu qalbhom.

Mark Cachia


[1] Papa Franġisku, Fratelli Tutti, 77.