Waħda mit-temi ewlenin fit-tagħlim soċjali Kattoliku fl-aħħar snin kienet l-għażla preferenzjali għall-foqra. Il-frażi ntużat għall-ewwel darba fl-aħħar tas-snin sittin mis-superjur ġenerali tal-Ġiżwiti ta’ dak iż-żmien, Patri Pedro Arrupe, f’ittra lill-ordni tiegħu. Il-frażi intużat ftit wara  mill-Isqfijiet Kattoliċi tal-Amerika Latina, li enfasizzaw fuq l-użu tal-kelma “għażla” bħala kelma ta’ azzjoni u mhux sempliċiment bħala nom. Illum il-ġurnata, din il-frażi titqies bħala waħda mill-prinċipji ewlenin li jiggwidaw r-riflessjoni u l-azzjoni tal-Insara fid-dinja tal-lum.

Li tagħmel għażla preferenzjali għall-foqra tfisser, fundamentalment, li timxi fuq l-eżempju ta’ Ġesù. Din l-għażla tindika deċiżjoni konxja li wieħed jimxi spalla ma’ spalla ma’ dawk li huma foqra jew emarġinati, u li jiġġieled għal dawk il-bidliet strutturali li huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-faqar, l-inġustizzja u l-emarġinazzjoni. L-għażla preferenzjali tagħna għall-foqra hija għalhekk impenn biex ngħixu s-solidarjetà msejsa fuq il-ġustizzja li tgħolli l-foqra u l-iżvantaġġati b’mod reali u konkret ħafna. Din l-għażla – li żgur mhix fakultattiva – issejħilna għalhekk għall-ħajja ta’ relazzjonijiet ġusti, u tagħmel dan billi tpoġġi fiċ-ċentru lil dawk li għandhom l-akbar bżonn.

Minkejja li teżisti tendenza li niddistingwu bejn il-foqra li ħaqqhom l-għajnuna tagħna u dawk li ma ħaqqhomx, huwa importanti li jiġi ċċarat li mill-perspettiva Biblika, il-foqra mhumiex “preferuti” għax huma aħjar minn ħaddieħor, minn lenti morali jew reliġjuża. Iżda, huma preferuti sempliċiment għax huma foqra u jgħixu f’sitwazzjoni diżumana li mhix konformi mad-dinjità inaljenabbli tagħhom u mal-pjan ta’ Alla.

Il-kliem qawwi ta’ San Ġwann Krisostmu, ikkwotat mill-Papa fil-messaġġ tiegħu għall-ħames jum dinji tal-foqra li jiġi ċċelebrat il-Ħadd 14 ta’ Novembru, jibqa’ ta’ rilevanza kbira:

«Min hu ġeneruż m’għandux għalfejn jitlob kont tal-imġiba tal-fqar, imma ħsiebu biss biex itejjeb il-qagħda tagħhom u jtaffi l-bżonnijiet tagħhom. Il-fqir għandu inkwiet wieħed biss: il-faqar tiegħu u l-bżonn li jinsab fih. Titlob xejn mingħandu; anke jekk dak il-bniedem fqir hu l-agħar bniedem li hawn fid-dinja, jekk ikun nieqes minn dak li hu neċessarju, allura int għandek teħilsu mill-ġuħ… […] Il-bniedem li jħenn huwa bħal port għal min jinsab fil-bżonn: il-port jilqa’ lil dak li jkun u jeħles mill-periklu lil dawk kollha li jkunu ħelsu mill-għarqa; kemm jekk huma nies ħżiena, kemm jekk tajbin, huma min huma, il-port jagħtihom kenn u jqegħidhom fil-bokka tiegħu. Int ukoll, mela. Meta tara bniedem li ra l-għarqa minħabba l-faqar, tiġġudikahx, toqogħodx tistaqsi jekk hux raġel tajjeb jew ħażin, imma eħilsu mill-qagħda li jinsab fiha» (Diskorsi dwar il-fqir Lazzru, II, 5).