Meta wieħed jgħix fuq gżira f’nofs il-Mediterran, bħalna il-Maltin, il-probabilta’ hi li jispiċċa jieħu l-ilma for granted. Ninsabu mdawrin bl-ilma minn kull direzzjoni. Huwa ferm faċli li tiftaħ il-vit u ssib ilma tajjeb għax-xorb. Huwa ħafna diffiċli timmaġina li madwar id-dinja hawn madwar żewġ biljun ruħ li m’għandhomx aċċess għal ilma li hu nadif u tajjeb għax-xorb. Minkejja li l-ilma jifforma proporzjon kbir tal-wiċċ tad-dinja fil-forma ta’ oċeani u ibħra, huwa biss madwar 1.2% ta’ dan kollu li hu aċċessibli bħala ilma ħelu min lagi, għadajjar jew xmajjar. Madankollu, l-aċċess għal dan l-ilma mhux imqassam b’mod ekwu u ħafna mid-drabi l-ilma ma jkunx tajjeb għax-xorb minħabba tniġġis u kontaminazzjonijiet oħra. Proċessi industrijali waslu wkoll għal żieda fid-domanda tal-ilma ħelu. L-ilma huwa ġid komuni u dritt fundamentali tal-bniedem, però hemm diversi drabi fejn dan id-dritt ma jiġix rispettat. Dokument maħruġ mill-Vatikan bl-isem Aqua fons vitae (L-ilma hu sors ta’ ħajja) jesplora dan l-aspett fundamentali tal-ilma għall-promozzjoni tad-dinjita’ umana u l-integrita’ tal-iżvilupp tal-bniedem. L-immaniġjar tad-diversi sorsi tal-ilma jista’ jsib ispirazzjoni mit-Tagħlim Soċjali tal-Knisja, speċjalmet fir-rigward ta’ temi b’relazzjoni mad-dinjita’ tal-bniedem, s-solidarjeta’, il-ġustizzja, id-destinazzjoni universali tal-ġid, is-sussidarjetà, il-ġid komuni, l-ekoloġija integrali, l-iżvilupp integrali tal-bniedem, kif ukoll l-għażla preferenzjali favur il-fqir. L-ilma jirrapreżżenta qasam li jippermettilna nwettqu fil-prattika prinċipji evanġeliċi favur il-ġid tal-umanita’.
L-ilma jħaddan ukoll valur reliġjuż. Fil-Bibbja nsibu diversi referenzi għall-ilma, 1,500 wieħed biex inkunu iktar preċiżi. Eżempji ta’ siltiet li jagħmlu referenza għal-ilma jinkludu r-rakkont tal-Ħolqien fil-Ġenesi kif ukoll diversi siltiet ta’ fejqan. Riti importanti tal-Knisja, bħal Magħmudija u dak ta’ Sibt il-Għid, jinkludu l-użu tal-ilma bħala simbolu ta’ riġenerazzjoni u ħajja. It-tema tal-ilma nsibuha wkoll rrapreżentata f’diversi siltiet mużikali u letterarji, filwaqt li l-kontemplazzjoni tal-ilma tnissel sens ta’ serenita’ u paċi. Dan jissuġerixxu kontribuzzjoni importanti tat-tema ta’ l-ilma f’aspetti soċjo-kulturali u estetiċi tal-ħajja. Il-bjar kienu minn dejjem ikkunsidrati l-post tan-negozzjar, ftehim, żvilupp u qsim. Għaldaqstant, l-ilma jħaddan valur instituzzjonali, kif ukoll valur għal paċi. Għandu l-kapaċita’ li joħloq koeżjoni soċjali u ta’ solidarjeta’. Kwistjonijiet li jinvolvu l-ilma ma’ jafux fruntieri. Soluzzjonijiet għal dawn il-problemi jirrekjedu djalogu bejn in-nazzjonijiet, u jekk dawn il-kwistjonijiet jiġu solvuti ikun hawn ħafna iktar paċi madwar id-dinja. L-ilma jista’ jiġi kkunsidrat bħala industrija, peress li l-purifikazzjoni għall-użu tal-bniedem u għal-konsum iġorr spiża u għalhekk għandu rwol importanti fl-ekonomija. Dan wassal sabiex ikun hemm diskors favur il-privatizazzjoni ta’ sorsi ta l-ilma. Però, dan id-diskors ma jiħux fil-konsiderazzjoni l-impatt li r-restrizzjoni tal-aċċess tal-ilma ikollu għall-fqir. L-ilma huwa ġid komuni u b’hekk għandu jkun aċċesssibbli għal kulħadd.
Waqt li kont qed naħseb dwar l-aspetti diversi li jduru ma’ dan is-suġġett li jidher daqstant sempliċi, l-ilma, irriflettejt li hemm rabta qawwija bejn l-żvilupp xjentifiku u l-ġid komuni. L-avvanżi teknoloġiċi qed iġibu fuqna aktar responsabiltajiet fir-rigward tal-ambjent u l-protezzjoni ta’ dawk li huma l-iktar vulnerabli fostna. Il-missjoni afdata lilna bħala bnedmin sa’ mill-bidu tal-istorja tal-ħolqien hi proprju dik li nieħdu ħsieb tal-ġnien terrestri, u din toffri sfida sabiex nedukaw lilna nfusna favur edukazzjoni li hi iktar miftuħa u inklussiva, li tħaddan kultura ta’ inkontru u kollaborazzjoni fir-rigward tal-ilma; edukazzjoni li tirreżisti l-vjolenza u l-korruzzjoni b’referenza għal aspetti dwar l-ilma. Fl-aħħar mill-aħħar, li wieħed jibża’ għall-ilma, ifisser li wieħed jipproteġi l-ħajja.