“Isma’ leħen il‑ħolqien”. Din hi l‑istedina li l‑Papa Franġisku għamel fil‑messaġġ li ħareġ għall‑okkażjoni tal‑Istaġun tal‑Ħolqien ta’ din is‑sena (mill‑1 ta’ Settembru sal‑4 ta’ Ottubru 2022). Il‑Papa jħeġġiġna nisimgħu bir‑reqqa l‑vuċi tal‑ħolqien: il‑vuċi tal‑pjaneta u l‑vuċi tal‑persuni li jgħixu fiha, ilħna li ilhom żmien imsikkta u mwarrba fil‑ġenb minħabba “interessi ekonomiċi predatorji” li jissarrfu fil‑qerda tal‑ambjent u f’miżerja għal ħafna nies, speċjalment tal‑foqra li dejjem huwa dawk li l‑iktar ibatu l‑konsegwenzi tal‑qerda ambjentali. Ma’ dawn l‑ilħna, il‑Papa ma jinsiex ifakkarna fl‑ilħna tat‑tfal u ż‑żgħażagħ tagħna li qed iħossuhom mhedda mill‑futur li se nħallulhom aħna l‑adulti, frott id‑deċiżjonijiet insensittivi u mhux sostenibbli li qed nieħdu.

Quddiem dan l‑appell tal‑Papa Franġisku, il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u l‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent ħassew il‑ħtieġa li flimkien joħorġu din l‑istqarrija bħala riflessjoni għall‑Istaġun tal‑Ħolqien ta’ din is‑sena. Il‑kummissjonijiet jagħmlu tagħhom ix‑xewqa tal‑Papa li l‑bnedmin kollha, b’mod speċjali dawk li jemmnu fi Kristu, jingħaqdu sabiex isarrfu t‑talb u x‑xewqat tagħhom f’impenn aktar serju sabiex iħarsu din id‑dar komuni li tana Alla l‑Missier. Dan għaliex “li ngħixu l‑vokazzjoni tagħna li nkunu protetturi tal‑opra ta’ Alla hija essenzjali għal ħajja ta’ virtù; mhix għażla u lanqas xi aspett sekondarju tal‑esperjenza Nisranija” (Laudato si’, 217).

Din hi sejħa sabiex persuni konvinti mir‑responsabbiltà tagħhom lejn il‑ħolqien jiffurmaw komunitajiet li jsarrfu dak li jemmnu f’azzjoni konkreta li twassal għal vitalità ekonomika, ġustizzja, koeżjoni soċjali, protezzjoni ambjentali u użu sostenibbli tar‑riżorsi tagħna.

Il‑Papa Franġisku jitkellem fuq konverżjoni għax dan l‑impenn jitlob minna bidliet fil‑mudelli ta’ konsum u ta’ produzzjoni, u fil‑mod li bih drajna ngħixu. Hemm bżonn li nwarrbu prattiċi li daħlu bil‑mod il‑mod f’ħajjitna u li filwaqt li jagħmlulna ħajjitna aktar komda, iħallu impatt negattiv fuq il‑ħolqien. Aħna ngawdu u ħaddieħor ikollu jħallas il‑prezz tal‑eċċessi tagħna. Il‑problema tat‑tibdil fil‑klima u l‑qerda tal‑bijodiversità huma eżempji ta’ dan.

L‑għerq tal‑impenn li nisimgħu u nwieġbu għal‑leħen il‑ħolqien ġej minn rispett kbir lejn il‑ħajja u d‑dinjità tagħha. Madanakollu, irridu nkunu koerenti f’dak li ngħidu u nagħmlu u, b’mod konsistenti, f’kull aspett ta’ ħajjitna msejħin inħaddnu etika tal ħajja. Kultant nispiċċaw nippromwovu ċerti valuri u mbagħad bil‑kliem u/jew bl‑għemil nagħmlu mod ieħor. Ngħidu aħna:

  • Nistqarru kemm inħobbu l‑annimali eżotiċi (u forsi anke nieħdu ritratti magħhom) u ma nagħtux każ tal‑miżerji li jgħaddu minnhom sakemm jaslu għandna u kemm minnhom imutu matul il‑vjaġġ.
  • Sforzi ġustifikati sabiex nipproteġu l-annimali minn kull forma ta’ moħqrija ma jagħmlux sens jekk fl‑istess ħin naċċettaw l‑abort li, minkejja kull retorika, jibqa’ l‑qtil ta’ trabi li ma jistgħux jiddefendu ruħhom.
  • Kif tista’ tippromwovi l‑inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità fl‑isferi kollha tas‑soċjetà, u mbagħad taċċetta proċeduri mediċi li jnaqqu l‑embrijuni u jiddeċiedu min se jingħata ċ‑ċans li jitwieled u min le?
  • Nammiraw u ngawdu mill‑kisbiet li għamlu missirijietna u mbagħad meta l‑età tibda tħalli l‑effetti tagħha fuq l‑anzjani tagħna, ma nkunux ta’ appoġġ għalihom u bil‑kemm immorru nżuruhom. Sakemm ma nħarsux bil‑quddiem għal meta ‘il‑piż jeħfief’ u jinfetaħ it‑testment!
  • Kif tista’ tivvalorizza d‑dinjità tal‑mara u tippromwovi s‑sehem attiv tagħha fl‑isferi kollha tas‑soċjetà, imbagħad taċċetta d‑diskriminazzjoni bejn is‑sessi fuq il‑post tax‑xogħol bħal pereżempju l-inugwaljanza fil-pagi? Inkella, agħar minn hekk, naċċettaw u nirreklamaw bħala attrazzjoni għal min iżur Malta, intrapriżi ekonomiċi bħalma huma l‑gentlemen’s clubs li jisfruttaw il‑mara u jrenduha oġġett għall‑pjaċir tar‑raġel.
  • Niċċelebraw u nsaħħu d‑drittijiet li kiseb il‑ħaddiem matul is‑snin u ninsew li hawn sidien u kumpaniji li jċaħħdu lill‑ħaddiema tagħhom minn dawn id‑drittijiet. Imħaddma qishom skjavi u ‘mormija’ meta m’għandniex bżonnhom, dawn il‑ħaddiema  jitqabbdu jagħmlu xogħol perikoluż mingħajr tagħmir ta’ protezzjoni, jinżammu jgħixu f’kundizzjonijiet inumani u jingħataw (meta jingħataw) paga miżera għal sigħat twal ta’ xogħol.
  • Filwaqt li ta’ min ifaħħar u jinkoraġġixxi l‑inizjattivi li qed joħolqu spazji ħodor madwar pajjiżna, wieħed ma jistax jifhem kif fl‑istess nifs l‑industrija tal‑bini titħalla tkompli tiekol mill‑ispazji naturali u urbani tagħna. X’saħħa jew x’protezzjoni tgawdi minnha din l‑industrija sabiex titħalla tagħmel prattikament li trid? Dan minkejja li: (i) stħarriġ wara l‑ieħor urew li mhix sostenibbli għal pajjiżna u li qed ikollha effetti negattivi fuq il‑kwalità tal‑ħajja tagħna u ta’ min jiġi jżurna u (ii) li l‑famuża bużżieqa li mhu se tinfaqa’ qatt, fil‑fatt jidher li se tisplodi.

Ħafna mill‑inkongruwenzi li ssemmew (u oħrajn li ma ssemmewx) huma frott ta’ deċizjonijiet ħżiena li jittraskuraw l‑esiġenzi tal‑ġustizzja kif ukoll ta’ nuqqas ta’ viżjoni fit‑tul u azzjoni. Il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u l‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent jixtiequ jtemmu din l‑istqarrija b’appell lill‑klassi politika ta’ pajjiżna sabiex jieqfu jaħlu l‑ħin fuq piki partiġġjani li jservu biss biex idaħħlu lil pajjiżna fi sqaqien. L‑importanti hu li nitgħallmu mill‑iżbalji li saru u ma nerġgħux nirrepetuhom jew napprofittaw ruħna minnhom. Iż-żewġ kummissjonijiet jappellaw sabiex ir‑rappreżentanti tal‑poplu jżommu l‑ġid komuni — u mhux il‑ġid tal‑partit jew ta’ gruppi partikolari fis‑soċjetà — bħala l‑ogħla valur tagħhom u ma jinqdewx bi kwistjonijiet ambjentali biex jingħoġbu mill‑elettorat.

Is‑sejħa ta’ kull ċittadin, u wisq aktar ta’ min għandu r‑responsabbiltà politika, hi li jisimgħu u jagħtu widen kemm għall‑karba tal‑art kif ukoll għall‑karba tal‑foqra. L-isfida hi li nsikktu l-ilħna ta’ dawk li huma l-iktar storbjużi u ċ-ċekċik tal-flus, li jtarrxu, biex jirnexxilna nisimgħu l-leħen tal-ħolqien.