Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi flimkien mal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent qed jorganizzaw attività biex ifakkru l-Istaġun tal-Ħolqien 2022. Biha huma ser ikunu qed jingħaqdu ma’ numru ta’ knejjes kristjani fid-dinja kollha li bejn l-1 ta’ Settembru u l-4 t’Ottubru ta’ kull sena jfittxu li jqajjmu kuxjenza favur il-kura tal-pjaneta u l-abitanti tagħha.F’Malta, din is-sena l-attività ser tkun ispirata mill-figura ta’ Santa Hildegard ta’ Bingen u se tkun tikkonsisti f’nofs ta’ nhar ta’ għarfien fuq il-ħajja u l-ħidma ta’ din il-qaddisa li fi żmienha spikkat għall-kontribut tagħha fl-iżvilupp tal-ispiritwalità ekoloġika.

L-attività se tkun miftuħa għall-pubbliku in ġenerali (b’reġistrazzjoni minn qabel) u fiha ser ikun hemm ukoll workshops biex il-parteċipanti jduqu ftit mill-kontribut li tat; fihom se nesploraw il-kitba, il-mużika, l-arti u l-apprezzament ta’ ħxejjex mediċinali ta’ mara b’messaġġ b’saħħtu għal żmienna. Il-programm jinkludi waqfa għall-kafè u bibita fl-aħħar.

Din l-attività ser issir is-Sibt, 24 ta’ Settembru, fil-Monasteru ta’ San Pietru, l-Imdina, bejn id-9.30 u s-13.00. 

Dawk kollha interessati, għandhom jirreġistraw minn qabel billi jimlew din il-formula jew jibagħtu imejl fuq gustizzjaupaci@maltadiocese.org. Biex jitkopru l-ispejjeż, qed tintalab donazzjoni ta’ €10.00 li tingħata dakinhar tal-attività. F’każ ta’ bżonn se jiġi pprovdut ukoll servizz ta’ childminding.