Nhar il-Ħadd 27 ta’ Settembru, il-Knisja mad-dinja kollha tiċċelebra l-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati. L-orizzont li lejh aħna mistednin nimxu huwa dak li fih inkunu “aktar miftuħin”, jiġifieri li niddakru mid-diversità u mit-tlaqqigħ kulturali ta’ bejnietna, filwaqt li l-Knisja twessa’ l-kappa tagħha biex tħaddan lil kulħadd. Madankollu, hu u jorbot b’mod espliċitu il-ħolma ta’ soċjetà aktar inklussiva mal-kura tad-dar komuni tagħna, il-Papa Franġisku qed iwissina li jekk nippruvaw nisseparaw dak li huwa marbut b’mod intrinsiku, din il-ħolma tista’ malajr tinbidel fi ħmar il-lejl.
Irridu jew ma rridux nammettu, huwa fatt li t-tibdil fil-klima u l-qerda ambjentali qegħdin diġà jisfurzaw miljuni ta’ persuni biex iħallu djarhom. Dan jiġri meta l-ambjent li fih jgħixu ma jibqax abitabbli. U l-kaġun ta’ dan kollu huma l-għażliet li jkissru r-relazzjoni tagħna mal-ħolqien. Huwa stmat li l-perikli li jirriżultaw minn żieda aktar frekwenti ta’ avvenimenti naturali estremi diġà qed iwasslu biex medja ta’ aktar minn 20 miljun persuna jħallu djarhom kull sena. Sal-2060, l-iktar tbassir ottimist jgħid li bejn 316 miljun sa 411 miljun persuna se jkunu vulnerabbli għal żieda qawwija ta’ maltemp u għargħar fil-kosta. Barra minn hekk, it-tibdil fil-klima qed jaġixxi wkoll bħala multiplikatur tat-theddid, billi jintensifika t-tensjonijiet eżistenti f’postijiet fejn ir-riżorsi huma skarsi u b’hekk jiżdied ir-riskju u l-potenzjal li jkun hemm il-kunflitti. Ovvjament, ir-riżultat ta’ dan kollu hu li iżjed nies ikunu mġiegħla jitilqu minn djarhom. Bħal dejjem, il-foqra u l-vulnerabbli, li huma dawk li l-inqas jikkawżaw emissjonijiet tal-karbonju, jispiċċaw iġorru piż sproporzjonat.
Aħna u niċċelebraw din il-ġurnata ddedikata għall-Migranti u r-Refuġjati kollha f’nofs l-Istaġun tal-Ħolqien, ejjew infakkru lilna nfusna li l-mod kif nirrispondu għal din il-kriżi se jiddefinixxi l-kredibilità tagħna bħala Knisja ta’ Kristu li tilqa’ lill-oħrajn. Fil-prefazju tad-dokument “Pastoral Orientations on Climate Displaced People“, li ġie ppublikat f’Marzu mit-Taqsima tal-Migranti u r-Refuġjati tad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrat tal-Bniedem, il-Papa Franġisku jikkwota il-frażi famuża minn-Hamlet “li tkun jew li ma tkunx”, biex jafferma li l-mistoqsija bażika għalina hija “li tara jew li ma tarax. Dik hija l-mistoqsija”. Alla, permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni li għandna, jagħtina l-mezzi biex naraw. Imma kultant nippreferu nibqgħu fl-għama. Aħna nħarsu iżda ma narawx it-tbatija umana li l-bidla fil-klima qed tikkawża, minħabba l-aġir jew in-nuqqas ta’ aġir tagħna. L-injoranza, l-egoiżmu, l-indifferenza, iċ-ċaħda tar-realtà biex nipproteġu l-interessi personali: Dawn huma biss uħud mir-raġunijiet li jwaqqfuna milli ngħaddu mill-għama għall-għarfien, mill-indifferenza għal solidarjetà attiva.
Il-kwistjoni tat-tibdil fil-klima u r-reazzjoni tagħna għal dawk li qed ikollhom iħallu djarhom kawża ta’ dawn il-bidliet hija fl-aħħar mill-aħħar problema morali. Kif spiss jiġri fejn jidħlu l-problemi morali, il-kwistjoni hja kumplessa u multidimensjonali. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, il-mistoqsijiet li għandhom jiggwidawna huma sempliċi: Meta nħarsu, x’naraw? Meta nħarsu lejn ir-refuġjati tal-klima, naraw lil ħutna? Meta nħarsu lejn il-ħerba kkawżata mit-tibdil fil-klima, naraw id-dar komuni tagħna? U meta naraw, jimpurtana biżżejjed biex naġixxu flimkien? Il-ħolma li bħall-aħwa u ulied tal-istess art, inkomplu naqsmu ħajjitna f’din id-dar komuni tagħna, tista’ titkebbes u tibqa’ ħajja. Li tara jew li ma tarax. Kollox jiddependi fuq din il-mistoqsija sempliċi.
Mark Cachia