Fid-dawl tal-vot li ttieħed il-bieraħ fil-parlament dwar il-bżonn ta’ inkjesta pubblika li titfa’ dawl fuq il-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tappella lill-awtoritajiet biex jisimgħu il-karba ta’ omm u tal-poplu għall-ġustizzja. Huwa ta’ diżappunt kbir li kwistjoni daqshekk sensittiva, għal darb’oħra, qed tispiċċa ballun politiku.

Quddiem din ir-reżistenza għall-inkjesta pubblika li diffiċli tifhimha, tispjegaha u tiġġustifikaha, niftakru f’dawk l-għexieren ta’ ħaddiema li fl-aħħar snin tilfu ħajjithom fuq is-siti ta’ kostruzzjoni. Niftakru ukoll fil-qraba tagħħhom. Dawk li bħal ġenituri ta’ Jean Paul, b’kuraġġ kbir għamluha l-missjoni tagħhom li jfittxu ġustizzja. U dawk ukoll li fis-silenzju, qed isoffru l-istess telfa u jħaddnu l-istess mistoqsijiet bla risposta.

Huwa d-dmir tagħna u b’mod speċjali ta’ dawk li ħalfu quddiem Alla li jkunu “tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r-Repubblika ta’ Malta” li ma nżebilħux il-memorja ta’ dawn ħutna billi jqiegħdu interessi oħra ‘il fuq mill-interess pubbliku, tal-ġid komuni u tal-protezzjoni tal-ħajja ta’ dawk li ta’ kuljum jaħdmu fuq is-siti ta’ kostruzzjoni.

Bħala pajjiż, ma nistgħux naqtgħu qalbna mit-tfittxija għall-verità u l-ġustizzja. Jekk irridu nfiequ, ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn kollox minn lenti ta’ aħmar jew blu, u kulħadd irid jerfa’ r-responsabiltà ta’ għemilu. Il-verità, hi kemm hi diffiċli, u hi kemm hi skomda, trid toħroġ fil-beraħ. Mingħajr verità, m’għandniex ġustizzja u mingħajr ġustizzja, m’hemm l-ebda paċi. Huwa tajjeb li l-inkjesta maġisterjali tiġi konkluża mill-iktar fis possibli. Imma filwaqt li din l-inkjesta għandha l-iskop li tistabilixxi r-responsabiltà kriminali, hija biss inkjesta pubblika li tista’ tinvestiga nuqqasijiet fis-sistema u fil-governanza. Il-problemi ta’ dan it-tip ma nistgħhux nibqgħu nitfgħuhom taħt it-tapit, sakemm tiġri t-traġedja li jmiss u nerġgħu nesprimu s-sogħba tagħna mingħajr ma nagħmlu sforz ġenwin biex nifmhu eżatt x’hemm ħażin fis-sistema u nbidlu dak li hemm bżonn jinbidel.

Bil-vot tal-bieraħ, mhux kollox huwa mitluf. Fit-tkissir u d-deżolazzjoni hemm ukoll iż-żerriegħa tat-tama. Tama u għatx għal Malta aħjar li tassew tirrispetta u tiddefendi d-dinjità u l-ħajja ta’ kulħadd. Hija t-tama u l-għatx għall-ġustizzja u l-verità li tgħaqqad lin-nies kollha ta’ rieda tajba li, lil hinn mill-partiġjaniżmu li jifred u jkisser, jemmnu li huwa possibli nibnu, permezz tad-djalogu, Malta aktar ġusta u rikonċiljata. U din il-ħolma tista’ sseħħ biss billi “ndewwu l-ġrieħi tas-soċjeta tagħna bil-balzmu tal-verita’ u l-onestà” (Yahad). Ma naqtgħhux qalbna. It-tfittxija għall-verità u l-ġustizzja tkompli.

𝘙𝘪𝘵𝘳𝘢𝘵𝘵: 𝘍𝘢𝘤𝘦𝘣𝘰𝘰𝘬 / 𝘑𝘦𝘢𝘯𝘗𝘢𝘶𝘭 𝘚𝘰𝘧𝘪𝘢


[AĠĠORNAT 18/07/2023]

⚫ IT-TAQTIGĦA GĦALL-VERITÀ U L-ĠUSTIZZJA HIJA TWILA U KKUMPLIKATA

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li ser issir inkjesta pubblika biex titfa’ dawl fuq l-industrija tal-kostruzzjoni waqt li tawgura li l-inkjesta maġisterjali tkompli b’ritmu sostnut u tiġi konkluża fiż-żmien qarib.

Nemmnu bis-sħiħ li biex l-għatx għall-ġustizzja li ntwera f’dawn l-aħħar jiem ma jmajnax, l-isforz ta’ kulħadd huwa meħtieġ. Hu importanti ferm li f’dan il-proċess jingħata spazju wiesgħa biex jinstemgħu l-ilħna tal-ħaddiema, dawk li ta’ kuljum qed jirriskjaw ħajjithom huma u jaħdmu biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum. Jeħtieġ ukoll li jinkixfu dawk is-sistemi u strutturi ta’ inġustizzja li, frott ir-regħba u l-konvenjenza politika, idgħajfu l-protezzjoni u d-drittijiet tal-ħaddiema.

Il-Kummissjoni wkoll qed taħdem biex tagħti l-kontribut tagħha biex id-dinjità u l-ħajja tal-ħaddiema jkunu dejjem imħarsa. Bħalissa għaddej proġett ta’ riċerka li qed janalizza ’l fuq minn 40 intervista li saru ma’ ħaddiema, kuntratturi, professjonisti u rappreżentanti ta’ awtoritajiet fil-qasam tal-industrija tal-kostruzzjoni. Nittamaw li dan ix-xogħol ikun jista’ jiġi ppreżentat dalwaqt u jgħin ukoll biex it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna qatt ma jinbena fuq l-isfruttament tal-ħaddiema.

Huwa ċar li din il-problema ma tistax tissolva b’daqqa ta’ pinna. It-taqtigħa għall-verità u l-ġustizzja hija waħda twila u kkumplikata. Ma jfissirx li għandna naqtgħu qalbna. Bi ħġarna nħeġġu lil dawk kollha li fl-aħħar jiem semmgħu leħinhom favur il-ħajja sabiex jibqgħu jagħtu sehemhom. Kulħadd, b’modi differenti, jista’ jikkontribwixxi biex il-kliem jissarraf f’azzjoni konkreta u biex pajjiżna qatt ma jerġa’ jibki t-telfa bla sens ta’ ħajja f’ċirkustanzi bħal ta’ Jean Paul Sofia , Mohammed Kasem Hashem Alkhateeb, u ħafna oħrajn.