Minkejja s-sentiment komuni li jqis ix-xjuħija bħala barka, l-imwiet riċenti relatati mal-pandemija tal-Covid-19 qajmet fervur sħiħ dwar l-anzjani tagħna u l-irwol tagħhom fis-soċjetà tal-lum. Sfortunatament, aħna u nisimgħu dwar din il-pandemija qerrieda, li kulma jmur qed taħsad aktar ħajjiet ta’ anzjani, qed naraw bosta kummenti fuq il-midja soċjali li juru nuqqas kbir ta’ empatija u li bħal donnu jitfgħu l-ħtija fuq iċ-ċiklu naturali tal-ħajja. Jista’ jkun li l-għeruq ta’ din il-problema jinsabu fis-soċjetà kapitalista tal-lum, orjentata lejn il-profitt, li tħares lejn l-anzjani bħala xkiel fil-mixja lejn it-tkabbir tal-ekonomija? Qegħdin ninsew il-kontribuzzjoni siewja li jagħtu lis-soċjetà tagħna?
F’taħdita li ta l-Papa Franġisku s-sena l-oħra (it-Tnejn, 16 ta’ Diċembru, 2019), huwa għamilha ċara li għandna nħarsu lejn l-anzjani tagħna bħala għajn ta’ rikkezza kbira u bħala riżorsa ewlenija għas-socjetá għal żewġ raġunijiet ewlenin. L-ewwel – l-anzjani huma magħrufin għal ġenerożità bla qies tagħhom u għal-attiviżmu tagħhom fi ħdan bosta organizzazzjonijiet volontarji. Is-sigħat li joffru fi ħdan dawn l-għaqdiet volontarji jagħmluhom minn qalbhom biex iħallu soċjetà aħjar milli sabu. Is-sigħat li jinvestu f’dawn l-esperjenzi jgħin biex jinħolqu xbieki ta’ solidarjetà li jservu wkoll ta’ duwa kontra l-iżolament soċjali.
It-tieni argument li jagħmel il-Papa, hu, li fl-anzjani jidwi l-ħolm sabiħ li huwa fundamentali fil-mixja tal-ġenerazzjoni żagħżugħa. Din ir-relazzjoni benefiċċjali bejn dawn iż-żewġ gruppi li jistgħu jidhru tant differenti, toħloq soċjetà li hi “aktar ġusta, aktar sabiħa u aktar nisranija.” Din it-tip ta’ relazzjoni, tidher bl-aktar mod ċar fin-nanniet, li huma mogħnija b’responsabbiltà kbira fil-konfront tan-neputijiet tagħhom – dik li jittrażmettulhom l-esperjenza tan-nies u tal-ħajja nnifisiha. Għalhekk, ikun għaqli li nagħtu ċans lill-anzjani tagħna biex iwasslulna l-għerf tagħhom f’perjodu mimli b’inċertezzi u minn pariri tant kontradittorji. Bħala simbolu ta’ saħħa, għerf u għaqal, għandna nħaddnu bla mistħija l-inklużjoni tal-anzjani f’kull aspett tal-ħajja soċjali.
Filwaqt li, sfortunatament, l-anzjanità hija assoċjata intimament mal-mard, il-Knisja tenfasizza li m’għandniex inħarsu lejn il-morda u l-anzjani bħala piż. Il-familja u l-ħbieb iridu jaħdmu flimkien biex joħloqu ambjent li permezz tiegħu, in-nies vulnerabbli jħossu “is-sens ta’ intimità u s-sapport tan-nies qrib tagħhom” (Samaritanus bonus). Din l-imħabba u s-sapport li għandna nagħtu lill-anzjani tmur kontra kwalunkwe attitudni jew stigma li tirriduċi lil dawn il-persuni f’numru, jew li tqishom bħala prodott taż-żmien li wasal fejn wasal bis-saħħa tal-mediċina u tal-kura avvanzata. Anke dawk li waslu f’tarf ix-xifer tal-mewt, għandhom kull dritt mhux biss li jingħataw il-kura u l-mediċina li għandhom bżonn imma li jingħataw ukoll dożi kbar ta’ tama u mħabba. B’hekk inkunu qed inħarsu ix-xewqa t’Alla li kull bniedem jgawdi il-ħajja fil-milja tagħha.
Għalhekk, il-pandemija Covid-19, tista’ tgħinna biex napprezzaw aħjar l-anzjani u l-irwol tagħhom fis-soċjetà, anke dawk l-anzjani li mhumiex parti mill-familja tagħna. Dawn l-irġiel u nisa mhux biss ikkontribwixxew biex wasalna s’hawn imma għadhom jikkontribwixxu għal soċjetà aktar ġusta u armonjuża. Huma nies u mhux sempliċiment numri, u kull minuta ta’ ħajjithom tiswa.