Wara xhur ta’ ħidma li fihom saru sensiela ta’ sessjonijiet ta’ djalogu bejn il-migranti u l-komunità, il-Ħadd 11 ta’ Diċembru tnediet il-wirja Sejjaħli b’Ismi. Dan il-proġett interkulturali huwa frott kollaborazzjoni bejn it-tim ta’ Sejjaħli b’Ismi, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u l-JRS (Malta) u qed ifakkar ukoll l-20 sena anniversarju mill-ewwel żbark kbir ta’ persuni li jfittxu l-ażil fuq xtutna.
Waqt it-tnedija tal-wirja li saret fis-Sagristija tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, il-President tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi Daniel Darmanin semma d-diskors li l-Papa għamel reċentement wara ż-żjara tiegħu fil-Bahrain. F’dan id-diskors, il-Papa qal li d-djaolgu huwa l-ossiġnu tal-paċi u li fl-istess ħin, ma jistax ikun hemm djalogu mingħajr laqgħa bejn il-persuni. Kien għalhekk li l-Kummissjoni appoġġat bis-sħiħ dan il-proġett komunitarju li jfittex li jlaqqa’ n-nies fi spirtu ta’ għaqda u rikonċiljazzjoni li l-istess Kummissjoni ipproponiet fid-dokument Yahad.
Katrine Camilleri, id-direttur tal-JRS (Malta), minn naħa tagħha ukoll esprimiet l-apprezzament tagħha għax-xogħol li twettaq f’dawn l-aħħar xhur fuq dan il-proġett. Hija insistiet fuq il-fatt li meta nitkellmu fuq l-immigrazzjoni, il-konverżazzjoni fuq in-nies trid issir man-nies stess. Meta dan ma jsirx, nispiċċaw naħsbu li nafu kollox fuq ħaddiehor, anke meta dan ma jkunx il-każ.
Maria Giulia Pace u Elena Pace f’isem it-tim ta’ Sejjaħli B’isem spjegaw ukoll il-kunċett tal-wirja fotografika li fix-xhur li ġejjin ħa tkun qed tintwera f’bosta lokalitajiet f’Malta. Il-vjaġġ li qed jiġi propost huwa vjaġġ ta’ esplorazzjoni tal-kunċett ta’ “identità”, fil-kumplessità ta’ dak li jagħmilna dak li aħna.
Ir-ritratti, kliem u stejjer tal-parteċipanti li wieħed isib fil-wirja jgħinu biex immorru lil hinn minn dak li jidher mad-daqqa t’għajn jew it-“tikketti” li spiss joħonqu l-individwu. L-istrutturi tridimensjonali tal-wirja jagħtu l-kulħadd l-opportunità li jduru madwar l-individwu kemm b’mod litterali kif ukoll figurattiv. Dawk li jżuru l-wirja huma mistiedna jagħtu kas id-dettalji li spiss ninjoraw, biex b’hekk tiġi apprezzata t-tridimensjonalità u l-kumplessità ta’ kull individwu.
Agħfas hawn biex tkun taf aktar.