Minn mindu l-FIFA għażlet lill-Qatar biex jospita t-Tazza tad-Dinja tal-2022, dan ir-Renju tal-Golf spiċċa taħt skrutinju kritiku kostanti. Dik li kellha tkun ċelebrazzjoni ta’ talent, diversità u kompetizzjoni sportiva, qed tittrasforma ruħha f’kampjonat mittiefes minn stejjer ta’ sfruttament, transazzjonijiet mhux ċari, u preġudizzju. F’dan il-każ, l-eżerċizzju ta’ “sportswashing”, li bih l-isponsors korporattivi u n-nazzjonijiet ospitanti jfittxu li jtejbu r-reputazzjoni tagħhom billi jisfruttaw l-emozzjonijiet qawwija evokati mill-avvenimenti sportivi, ma jidhirx li sejjer kif mistenni.
Il-bogħod minn grawnds sbieħ u infrastruttura ġdida tleqq, hemm realtà kemmxjen iktar problematika marbuta ma’ l-isplużjoni ta’ bini ġdid fil-Qatar. Il-maġġoranza l-kbira tal-popolazzjoni tal-Qatar hija magħmula minn ħaddiema migranti mhux ċittadini, l-iktar min-Nepal, il-Bangladexx u l-Indja. Il-futbolers li qed jilagħbu fit-Tazza tad-Dinja qed jiġu meħlusa mis-sħana qawwija tax-xhur tas-sajf. Il-ħaddiema tal-kostruzzjoni li bnew l-istadiums ma kinux daqshekk ixxurtjati. F’dawn l-aħħar għaxar snin mietu ‘l fuq minn 6,000 ħaddiem migrant, li minnhom mill-inqas 37 kienu qed jibnu l-grawnds tat-Tazza tad-Dinja. Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, is-sħana devastanti tas-sajf tal-Qatar, meqjusa bħala perikoluża wisq għall-futbolers, x’aktarx li rrappreżentat fattur sinifikanti f’ħafna minn dawn l-imwiet.
Barra minn hekk, ħafna minn dawn il-ħaddiema migranti kienu impjegati taħt is-sistema tal-“kafala”. Din l-iskema ta’ sponsorizzazzjoni ta-viżas ma tħallix lill-ħaddiema jibdlu l-impjieg jew jitilqu mill-pajjiż mingħajr il-permess ta’ min iħaddimhom. Sensittiv għall-kritika internazzjonali, il-Qatar irriforma parzjalment din is-sistema li kienet qed twassal għal sfruttament u abbuż. Sfortunatament, regolamenti dgħajfa u nuqqas ta’ infurzar ifissru li stejjer tal-waħx marbuta ma’ pagi mhux imħallsa u ħlasijiet eżorbitanti lill-aġenziji ta’ reklutaġġ għadhom frekwenti għaż-2 miljun ħaddiem migrant li jiffurmaw 95% tal-ħaddiema fil-Qatar.
Fejn jidħlu t-tranżazzjonijiet imċajpra, l-awtoritajiet Qatari dejjem ċaħdu bis-sħiħ li l-offerta tagħhom biex jospitaw il-kompetizzjoni kienet tinvolvi korruzzjoni. Madankollu, fis-snin minn meta ġiet assenjata t-Tazza tad-Dinja, 16 mit-22 membru tal-kumitat eżekuttiv tal-FIFA li ħadu dik id-deċiżjoni ġew implikati f’xi tip ta’ mġieba allegatament ħażina. Fl-2020, wara snin ta’ investigazzjonijiet, id-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti kkonferma għall-ewwel darba li rappreżentanti tar-Russja u l-Qatar kienu xaħħmu lill-uffiċjali tal-FIFA biex jiżguraw id-dritt li jospitaw it-Tazza tad-Dinja tal-irġiel fl-2018 u l-2022 rispettivament.
Bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, il-Qatar huwa wkoll magħruf għall-kriminalizzazzjoni tal-omosesswalità. Għalkemm il-pajjiż qal li l-partitarji kollha huma mistiedna jattendu l-kampjonat, ir-relazzjonijiet bejn l-irġiel tal-istess sess fil-pajjiż jistgħu jwasslu għal sentenzi ta’ ħabs sa massimu ta seba’ snin. Xahar qabel ma beda l-kampjonat, Human Rights Watch irrilaxxat rapport li jiddokumenta arresti arbitrarji u trattament ħażin ta’ nies LGBTIQ fil-Qatar.
Minflok ċelebrazzjoni globali ta’ ferħ, it-Tazza tad-Dinja tal-2022 qed tirriżulta bħala mument ta’ kontroversji. Dan il-kampjonat, li l-emissjonijiet totali tiegħu mistennija jlaħħqu it-3.6 miljun tunnellata ta’ dijossidu tal-karbonju (bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għall-emissjonijiet annwali tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo), tilef l-innoċenza li kellu fi żmien iehor. Minkejja t-talba tal-president tal-FIFA biex in-nies jiffukaw biss “fuq il-futbol”, il-“logħba sabiħa” ma teżistix fil-vakum. B’ġest ta’ solidarjetà simbolika, uħud għalhekk iddeċidew li jibbojkottjaw din it-Tazza tad-Dinja. Oħrajn se jarawha fil-modalità “split-screen”: l-imħabba tagħhom għal-logħba maġenb il-korruzzjoni, l-isfruttament u t-tbatija umana li ħallew marka li ma titħassarx fuq dan il-kampjonat. Il-periklu ovvjament, huwa li, ladarba l-ispettaklu tat-Tazza tad-Dinja jitlaq minn Doha, tisparixxi wkoll it-tip ta’ pressjoni internazzjonali li f’dawn l-aħħar snin wasslet għal xi progress, per eżempju fil-qasam tad-drittijiet tal-ħaddiema. Attiviżmu sostnut jieħu ħafna ħin u fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa frustranti. Iżda huwa l-uniku tip ta’ attiviżmu li se jiżgura xi tip ta’ wirt dejjiemi għan-nies fil-Qatar.
It-tieni periklu huwa dak li niffukaw esklussivament fuq in-nuqqasijiet li qed nosservaw f’pajjiż imbiegħed filwaqt li nagħlqu għajnejna għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li jseħħ fostna u madwarna. M’għandniex xi ngħidu, is-sitwazzjoni tal-ħaddiema migranti deskritta hawn fuq mhijiex differenti ħafna mit-tip ta’ sfruttament u abbuż li jiffaċċjaw il-ħaddiema migranti f’Malta. Li nġibu bidla sinifikanti fil-Qatar probabilment m’hijiex xi ħaġa li ħafna minna jistgħu jagħmlu. Min-naħa l-oħra, li nirreaġixxu b’qawwa għall-ħafna abbużi li jseħħu taħt imnieħerna u li nagħmlu dak kollu possibbli biex niżguraw li kulħadd jiġi trattat bid-dinjità u r-rispett li jixirqilhom, hija għażla konkreta li hija possibli għal kulħadd.