L-invażjoni brutali tal-Federazzjoni Russa fl-Ukrajna wasslet biex il-kruha tal-gwerra terġa’ tgħolli rasha fl-Ewropa. Eluf diġà tilfu ħajjithom. Aktar minn miljun ruħ kellhom iħallu djarhom. U l-possibbiltà li l-kunflitt jinfirex mal-Ewropa kollha, bir-riżultati katastrofiċi li dan iġib miegħu, ma tistax tiġi eskluża.

Ix-xenarju li għandna quddiemna huwa eżattament l-oppost tal-kultura ta’ fraternità proposta mill-Papa Franġisku. “Il-gwerra hi falliment tal-politika u tal-umanità, ċediment tal-mistħija, telfa quddiem is-setgħat tal-ħażen. Ejjew ma neħlux f’diskussjonijiet teoretiċi, imma mmissu l-ġrieħi, il-laħam ta’ min iġarrab il-ħsara.” (Fratelli Tutti 261). Il-valuri u l-viżjoni tat-test propost f’din l-Azzjoni Komuni jibqgħu pertinenti u validi. Madankollu, f’dan il-punt kruċjali fl-istorja Ewropea, kull kelma tieħu tifsira ġdida. Huwa d-dover tagħna li napprofondixxu din ir-riflessjoni fuq xi tfisser li nibnu kultura ta’ paċi, issa li qed jidwu f’widnejna l-ħsejjes tal-armi.

B’qalbna maqsuma, nisimgħu l-vuċi ta’ dawk kollha li qed ibatu, konsegwenza tal-bluha tal-gwerra. L-attakk vjolenti, li l-konsegwenzi traġiċi tiegħu qegħdin naraw b’għajnejna, għandu jieqaf immedjatament. Għadna nuru solidarjetà – permezz tal-mezzi kollha politiċi u materjali li għandna f’idejna – ma’ dawk li sfaw vittmi ta’ din l-aggressjoni vjolenti.

Għal dawk minna li qed iħarsu mill-bogħod u jaraw is-sitwazzjoni tiżvolġi, is-sentimenti ta’ biża’, rabja u konfużjoni m’għandhomx iwaqqfuna milli nirrispondu għal dan ix-xenarju traġiku b’azzjoni mimlija mħabba.

Għal dan il-għan, qed nipproponu lista ta’ riżorsi li jistgħu jgħinuk tappoġġja lil dawk li ħajjithom qed tiġi meqruda f’dan il-kunflitt:


ITLOB

Bħala nies ta’ fidi, aħna nemmnu fil-qawwa tat-talb.

Hawn taħt, tista’ ssib xi punti speċifiċi fuq kif titlob:

• Itlob għall-poplu tal-Ukrajna. Għal dawk li qed jgħixu fil-biża’ li jitilfu ħajjithom u l-għajxien tagħhom, li tilfu l-maħbubin tagħhom, jew tilfu kull kuntatt mal-familjari tagħhom. Għal dawk li qed jitilqu minn darhom għax m’għandhomx għażla oħra u għal dawk li ma setgħux jitilqu. Itlob għas-sigurtà, għall-wens, għar-reżiljenza u l-paċi.

• Itlob għall-komunità globali. Itlob li t-tweġiba u l-impenn tagħna biex nappoġġaw lil dawk l-aktar fil-bżonn ikunu ġenerużi u mimlijin tjubija u kompassjoni.

• Itlob għall-mexxejja Internazzjonali. Biex ikunu ggwidati mill-Ispirtu tal-għerf huma u jfittxu li jappoġġjaw lill-Ukrajna u jirrispondu għall-aggressjoni tar-Russja.

• Itlob għall-poplu Russu u għall-mexxejja tar-Russja biex jagħżlu t-triq tal-paċi u l-ġustizzja għall-Ukrajna u għar-Russja stess.

• Itlob għal dawk kollha li qed jilqgħu lir-refuġjati. Jalla ma nieqfu qatt nuru ospitalità ma’ dawk li qed jaħarbu mill-kunflitti u l-vjolenza, ġejjin mil-liema pajjiż ġejjin.

Il-Papa Franġisku jitlob għall-Ukrajna

Talba ta’ Konsagrazzjoni


AQSAM MILLI GĦANDEK

Ġew organizzati għadd ta’ inizjattivi umanitarji li qed jagħtu appoġġ immedjat u urġenti lin-nies fl-Ukrajna u lir-refuġjati fil-pajjiżi fil-qrib. Hawn taħt, tista’ ssib xi eżempji ta’ organizzazzjonijiet li qed jagħmlu dan:

Caritas

JRS International

SOS Malta

Missio


TGĦALLEM U IRRIFLETTI

Sfortunatament, l-użu mifrux tal-midja soċjali u l-aċċess faċli għall-informazzjoni jistgħu jġibu magħhom tixrid rapidu ta’ misinformazzjoni. Agħmel mezz li tirċievi l-aħbarijiet tiegħek minn websajt tal-aħbarijiet b’reputazzjoni tajba.

L-artikli elenkati hawn taħt jistgħu jgħinuk tirrifletti b’mod spiritwali fuq din it-traġedja ta’ żmienna, mill-perspettiva tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja: 

I considered myself a pacifist. Then Russia invaded Ukraine, and I had some questions.

Russian invasion of Ukraine raises moral questions about how to achieve peace

Praying for peace – even when it feels useless

Just war theory and why Ukraine has a right to defend itself

We have a moral duty to protect Ukrainian civilians – but that doesn’t mean going to war with Russia

L-Ukrajna: 3 ġimgħat wara


WELCOME REFUGEES, WHEREVER THEY COME FROM

L-invażjoni Russa tal-Ukrajna tat bidu għal wieħed mill-akbar moviment ta’ refuġjati fi żmien qasir li qatt rat l-Ewropa mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn.

Sir af aktar dwar ir-refuġjati li qed jaħarbu mill-Ukrajna.

Biss, anke qabel il-kunflitt fl-Ukrajna, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati kien qed ibassar li, sa nofs l-2021, in-numru ta’ nies li kellhom jitilqu minn darhom kien dak ta’ 84 miljun.

It-turija ta’ appoġġ u solidarjetà mill-istati Ewropej, partikolarment minn dawk li jinsabu tul il-fruntiera tal-punent tal-Ukrajna, huwa tassew inkuraġġanti. L-Unjoni Ewropea, inkluż Malta, fetħet il-bibien tagħha lill-Ukraini kollha li qed jaħarbu mill-gwerra. Permezz tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, ir-refuġjati Ukraini se jingħataw status, permess għax-xogħol u appoġġ soċjali sa massimu ta’ tliet snin.

Il-filmati li juru nisa u tfal midruba ħerġin mill-fdalijiet ta’ binjiet ibbumbardjati wasslu għall-politika Ewropea li tħalli l-bibien miftuħa. U madankollu, ir-refuġjati mil-Libja, is-Sirja, l-Afganistan, l-Iraq, l-Eritrea, il-Yemen, is-Sudan t’Isfel u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo li qed jaħarbu mill-istess riskji biex iħarsu ħajjithom, mhux qed jintlaqgħu bl-istess kompassjoni. Minħabba r-ramifikazzjonijiet ġeopolitiċi ta’ dan il-kunflitt, wieħed jifhem li l-Ewropej isegwu aktar mill-qrib u jħossuhom aktar interessati fil-gwerra fl-Ukrajna. Fl-istess ħin, il-ħniena li qed tintwera lejn ir-refuġjati Ukraini m’għandhiex tiġi estiża wkoll għar-refuġjati KOLLHA, jiġu minn fejn jiġu? L-appoġġ mifrux li qed jintwera fil-każ tar-refuġjati ġejjin mill-Ukrajna jista’ jservi ta’ musbieħ li jitfa’ dawl fuq l-insuffiċenza tas-sistema ‘normali’ ta’ ażil f’pajjiżna, li sfortunatament tikkawża tbatija bla bżonn lill-vittmi ta’ kriżijiet globali oħra.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni Migranti tal-Knisja u l-Arċidjoċesi ta’ Malta reċentement nedew inizjattiva umanitarja ta’ home-hosting miftuħa għal migranti u refuġjati bla dar.

Proġett Kenn ifittex li jilqa’, jipproteġi u jintegra lill-migranti fil-komunità billi joffrilhom post residenzjali għal massimu ta’ sitt xhur.

Il-migranti se jiġu identifikati minn ħaddiema soċjali u professjonisti li jaħdmu fis-settur tal-kura. Se tingħata prijorità lir-refuġjati li huma bla dar, għandhom bejn it-18 u l-20 sena u jgħixu fid-detenzjoni jew fiċ-ċentri miftuħa. Aktar dettalji, l-applikazzjonijiet u formoli oħra huma aċċessibbli hawn.