Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tilqa’ b’sodisfazzjon l-offerta ta’ medjazzjoni bejn il-Bord tal-Kulleġġ St Albert the Great u s-sur Mario Mallia, li din il-ġimgħa tkeċċa mill-irwol tiegħu bħala surmast ta’ l-iskola.

Il-Kummissjoni tittama bis-sħiħ li, fl-interess tal-komunità edukattiva ta’ St Albert u fl-interess tal-qasam edukattiv kollu f’Malta u tal-Knisja lokali, din il-kwistjoni tiġi riżolta fil-futur qarib.

Mingħajr ma nidħlu fil-merti tal-każ, m’għandux jiġi sottovalutat it-taħwid u r-rabja li qed jesprimu għadd kbir ta’ nies ta’ rieda tajba b’reazzjoni kemm għat-tkeċċija tas-Sur Mario Mallia kif ukoll għall-mod kif ittieħdet deċiżjoni bħal din. Ħafna staqsew xi jfisser dan għat-tip ta’ Knisja li rridu nibnu u x’tip ta’ edukazzjoni Kattolika nixtiequ nagħtu lill-istudenti tagħna. Oħrajn qajmu mistoqsijiet dwar il-futur tal-kollaborazzjoni fil-missjoni bejn lajċi, reliġjużi u saċerdoti djoċesani.

F’dawn il-jiem stess, il-Papa Franġisku qiegħed il-Kanada jenfasizza messaġġ ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ rispett tad-diversità. Bħala Knisja, għandna mmexxu bl-eżempju f’dan il-qasam u ninvolvu ruħna fi djalogu miftuħ u sinċier, u ta’ kwalità, anke meta d-differenzi jidhru li huma irrikonċiljabbli.

Aħna wkoll fid-dmir li niżguraw li l-prinċipji tal-ġustizzja naturali u l-governanza tajba jkunu mħarsa dejjem. In-nuqqas ta’ dan jimmina bil-kbir l-isforzi ta’ evanġelizzazzjoni tal-Knisja u l-kapaċità tagħha li tkun vuċi profetika u kredibbli fl-isfera pubblika.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ bis-sħiħ lil dawk kollha involuti f’din it-tilwima biex jistaqsu lilhom infushom jekk il-prinċipji msemmija hawn fuq ġewx imħaddna bis-sħiħ fil-proċess li wassal għat-tkeċċija tas-Sur Mario Mallia. It-triq tar-rikonċiljazzjoni, mgħixa bi spirtu miftuħ u b’umiltà, u mingħajr intransiġenza, hija dejjem għażla vijabbli għal dawk li jfittxu l-verità, il-ġustizzja u l-benesseri ta’ wliedna.