Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta, ippreżentat id-dokument ‘Yahad’ lill-President ta’ Malta George Vella.

F’laqgħa kordjali li saret nhar it-Tlieta, l-ewwel ta’ Frar, fil-Palazz ta’ San Anton, Daniel Darmanin, president tal-Kummissjoni, spjega kif il-Knisja tixtieq tagħti s-sehem tagħha fil-mixja ta’ għaqda u rikonċiljazzjoni nazzjonali li l-President stess qed jippromowvi b’diversi modi. Minn naħa tiegħu, il-President wera x-xewqa li dan id-djalogu mal-Kummissjoni ma jiqafx hawn, sabiex it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja jgħin biex jitnaqqsu l-firda u l-mibegħda li sfortunatament għadhom wisq preżenti fil-qasam soċjali u politiku tagħna.

Fl-aħħar tal-laqgħa, Daniel Darmanin, li kien akkumpanjat minn Mark Cachia, uffiċjali eżekuttiv, u Giulia Privitelli, membru tal-Kummissjoni, wera l-apprezzament tiegħu għal din l-istedina u għall-interess li intwera mill-President f’dan il-proġett.

Aqra aktar: www.yahad.mt