Il-Malta Catholic Youth Network u l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi ħejjew riżorsa ġdida biex takkumpanja is-serje ta’ podcasts aħseb u ara.

Din ir-riżorsa toffri gwida għal diskussjoni dwar it-temi mit-Tagħlim Soċjali tal-Knisja msemmija fil-podcast.

  1. Il-Polarizzazzjoni tad-Diskors
  2. Il-Prinċipji tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja
  3. L-Ambjent
  4. Il-Missjoni tal-Knisja
  5. Il-Familja
  6. L-Ekonomija
  7. Ix-Xogħol
  8. Il-Paċi

Ma’ kull tema ġew abbinati tliet jew erba’ filmati qosra, fejn ma’ kull filmat għandkom issibu:
• Kwotazzjoni mit-Tagħlim tal-Knisja jew diskorsi relevanti.
• Xi mistoqsijiet biex jassistu d-diskussjoni.
• Suġġeriment għal-Lectio Divina relatata.
• Riżorsi u informazzjoni supplimentari.


M’hemmx għalfejn tuża din ir-riżorsa bħala gwida fissa għal serje speċifika ta’ laqgħat. Tista’ tagħżel tema jew tnejn mingħajr ordni partikolari skont il-bżonn tal-grupp tiegħek. Meta tkun għażilt it-tema għall-grupp tiegħek, qabel il-laqgħa:

  1. Ara l-filmati qosra li tista’ ssib bħala kapitli fuq Youtube, u għażel il-biċċiet li l-iktar huma relevanti għall-grupp tiegħek.
  2. Ipprepara għal-laqgħa billi tagħmel referenza għar-riżorsi supplimentari li ħejjejna fil-ktejjeb għal kull tema.

Waqt il-laqgħa:

  1. Ibda b’mument ta’ talb marbut mat-tema.
  2. Araw flimkien il-filmat qasir, segwit mill-kwotazzjoni mit-Tagħlim Soċjali tal-Knisja.
  3. Ħalli ftit mumenti ta’ skiet.
  4. Uża l-mistoqsijiet fil-ktejjeb jew oħrajn biex jassistu d-diskussjoni.

Agħlaq il-laqgħa bil-Lectio Divina marbuta mat-tema magħżula jew b’mument ta’ talb ieħor.

Nissuġġerixxu li ma’ kull diskussjoni tistaqsu wkoll:
– ‘X’nista’ nagħmel jien biex inġib bidla pożittiva, imdawwla mit-Tagħlim tal-Knisja, fis-soċjetà?’

L-iskop ta’ dan il-proġett mhuwiex biss li nieqfu biex inħarsu lejn id-dinja ta’ madwarna u naħsbu dwarha, imma li niskopru kif aħna bħala Nsara nistgħu nkunu l-melħ tas-soċjetà.